Ġmiel ir-raħal pittoresk ta’ Ħal Balzan – Reġjun Tramuntana
Il-lokalità ta’ Ħal Balzan hija parti mir-Reġjun Tramuntana. Dan il-vilaġġ oriġinarjament kien jikkonsisti minn grupp ta’ rziezet u djar żgħar li eventwalment kibru maż-żmien u ngħaqdu f’parroċċa li tmur lura għas-seklu 17.
Jingħad li l-isem Balzan ġej minn isem ta’ familja lura fl-istorja. Balsan tirreferi għall-kollettur tat-taxxi li forsi kien mill-akkwati.
Il-Knisja Parrokkali hija xogħol mill-isbaħ fl-arkitettura bil-ġebla Maltija. Fiha naraw arti fina fosthom pitturi minn Giuseppe Cali, Emvin Cremona u Pawlu Camilleri Cauchi. Hija ddedikata lil Marija Annunzjata liema festa tkun iċċelebrata fit-tieni ħadd ta’ Lulju bl-istatwa fl-injam mill-iskultur Salvatore Dimech (is-sartx) li turi lill-Madonna u l-Arkanġlu Gabrijel. F’din il-parroċċa hemm devozzjoni kbira wkoll lil San Valentinu fejn għandhom ukoll artal iddedikat għalih u korp sant tiegħu.
It-toroq uniċi u antiki li nisbu f’din il-lokalità huma meravilja. Nistgħu ngħidu li Ħal Balzan għadu jitqies bħala karattertisku ħafna u l-poplu Balzani jaspira u jixtieq li l-iżvilupp ma jbiddilx ħafna minn dan.
Postijiet storiċi d’in il-lokalità huma bil-bosta fosthom; Palazzo Bosio, Villa Macedonia, il-Knisja ta’ San Anard u l-akwadott ta’ Wignacourt.
Il-kunsill lokali huwa mmexxi mis-Sindku Dr Angelo Micallef, mill-viċi sindku Mary Louise Briffa, mill-Minority Leader Dr Oliver Nicholas De Gaetano u l-kunsilliera Andre Grech u Stephen Gatt.
Il-Kunsill jinsab f’numri 7/9, Triq Dun Spir Sammut, f’ Ħal Balzan.
L-Email tal-kunsill hija: [email protected] u n-numru tat-telefon huwa: +356 2144 2323