Il-Godfather tafu min hu…imma qatt smajtu bil-Godmother?!

 Il-Godfather tafu min hu…imma qatt smajtu bil-Godmother?!

Ftit tal-jiem ilu Netflix ħareġ serje ġdida bl-isem ta’ Griselda, magħrufa bħala ‘The Godmother of Cocaine’ jew ir-Regina tad-Drogi. Iżda s-serje li tirrakkonta l-ħajja ta’ din il-mara li ġġib l-isem ta’ Griselda Blanco, mhux dejjem issegwi eżatt dak li ġara fir-realtà.

Min kienet Griselda Blanco?

Griselda Blanco twieldet fil-Kolombja u jidher li kienet involuta fi kriminalitajiet vjolenti sa mill-età ta’ 11-il sena. Dan meta hi kienet għenet fil-ħtif ta’ tifel ta’ familja sinjura li rrifjutat li tħallas is-somma flus għall-ħelsien tiegħu, tant li wara dan kollu, t-tifel spiċċa sabiex inqatel. Hi kienet magħrufa bħala l-moħħ wara ċirku vjolenti ta’ traffikar ta’ droga fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.

Hi kienet iżżewġet raġel li kien ukoll iwettaq diversi kriminalitajiet u miegħu kellha tliet itfal. Imbagħad, snin wara li r-relazzjoni tagħhom spiċċat, Griselda kienet ordnat il-qtil tiegħu. Wara żżewġet traffikant tad-droga magħruf bħala Alberto Bravo u minn hemm daħlet fil-kummerċ tal-kokaina.

Fis-snin li l-koppja għamlu jgħixu fi New York, bdew idaħħlu l-kokaina fl-Istati Uniti. L-ewwel darba li Griselda affaċċjat akkużi relatati mad-droga kien fl-1975. Hi kienet ġiet sfurzata tirritorna l-Kolombja. Meta għaddielha l-ħsieb minn moħħha li r-raġel tagħha kien qed jisraqilha flusha, hi ordnat il-qtil tiegħu ukoll. Wara jidher li żżewġet għal darboħra iżda t-tielet raġel safa l-istess destin tat-tnejn ta’ qablu. Mhux ta’ b’xejn kienu laqqmuha “Black Widow”!

Lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet, Blanco bdiet tgħix ġewwa Miami. Dan iż-żmien kien magħruf bħala l-perjodu li fih il-belt ta’ Miami rat vjolenzi ħorox u brutalità fit-toroq. Dan għaliex Griselda bdiet tipprova toqtol lil dawk kollha li kienet tqis bħala kompetizzjoni tagħha. Hi saret ukoll waħda mill-aktar traffikanti tad-droga sinjuri fid-dinja u skond diversi rapporti jingħad li daħħlet aktar minn tliet tunnellati ta’ kokaina kull sena fl-Istati Uniti. Naħseb aħjar ma ngħidulkomx il-paga li kienet taqla fix-xahar, għax itikom xi ħass ħażin!

Wara snin twal ta’ kriminalità bla rażan, Griselda ġiet arrestata f’darha fis-17 ta’ Frar tal-1985. Hi nstabet ħatja li mmanifatturat, impurtat u traffikat il-kokaina. Ġiet ukoll akkużata bi tliet assassinji li wassluha sabiex għamlet 20 sena maqfula l-ħabs.

Kif inqatlet Griselda?

Wara dan kollu, u n-nies kollha li qatlet, Griselda legilget ftit minn dik il-mediċina krudili li tant qassmet matul ħajjitha. Dan hekk kif fl-2012, wara li kienet ħarġet mill-ħabs u rtirat mill-ħajja kriminali tagħha, żewġt irġiel fuq muturi sparawlha u qatluha hekk kif kienet ħierġa minn ħanut tal-laħam. Hi kellha 69 sena.

Il-punt interessanti dwar il-qtil tagħha huwa li kien kopja identika tal-assassinji li kienet tordna hi meta kienet f’Miami. Sal-lum għadna ma nafux min kienu dawk li qatluha!

X’kien qal Pablo Escobar fuq din il-mara?

Hemm min jgħid li Pablo Escobar darba qal “L-unika raġel li qatt bżajt minnu kien mara, u kien jisimha Griselda Blanco.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com