Il-pariri ta’ Albert u Lina għall-koppji żgħażagħ wara 61 sena flimkien

 Il-pariri ta’ Albert u Lina għall-koppji żgħażagħ wara 61 sena flimkien

Wara 61 sena flimkien u 56 sena miżżewġin, Albert McCarthy u martu Lina għandhom diversi pariri li jixtiequ jgħaddu lill-koppji żgħażagħ tal-lum.

Fost il-pariri, il-koppja sostniet li biex relazzjoni twassal hemm bżonn impenn sħiħ miż-żewġ naħat. “Illum il-ġurnata ħafna nies ma jridux jintrabtu, ma jridux iċedu lil xulxin,” qalet Lina. Spjegat li fiż-żwieġ daqqa tagħti u daqqa tieħu, u minkejja kollox dan mhux se jkun dejjem bħal “ġnien kollu fjuri”. Ir-relazzjonijiet kollha jkollhom il-problemi tagħhom, l-importanti huwa li jkun hemm ir-rieda miż-żewġ naħat li fejn tista’ ssib soluzzjoni.

Infatti, minkejja s-snin twal flimkien, il-koppja għaddiet mill-problemi tagħha wkoll u Lina semmiet kif f’punt minnhom anke kienu fix-xifer li jiddivorzjaw. Madanakollu, bil-paċenzja u l-ftehim, u bil-kunsiderazzjoni lejn xulxin dejjem irnexxielhom jgħelbu l-problemi.

Semmew ukoll li f’relazzjoni qatt m’għandek tieqaf titlob skuża. Filwaqt li jekk argument ikun qed jittawwal għalxejn, għandek titgħallem tgħid “għandek raġun”. Infatti, Albert spjega li r-relazzjoni tagħhom baqgħet b’saħħitha matul dawn is-snin kollha għax dejjem raw kif ċedew lil xulxin. Ammetta wkoll li ħafna drabi kienet Lina li kienet iċċedi lilu, għax hu għandu xi ftit rasu iebsa. Kompla billi qal li minkejja dan, eventwalment kien jinduna li wara kollox, kienet hi li kellha raġun!

Il-kundizzjoni ta’ Albert x’impatt kellha fuq ir-relazzjoni tagħhom?

Albert semma kif hu jbati mill-kundizzjoni magħrufa bħala bipolar. Din it-tip ta’ kundizzjoni tikkawża tibdiliet mhux tas-soltu fejn tidħol is-sensitività, l-enerġija, il-livell ta’ attività u l-konċentrazzjoni tal-persuna. Meta kellu 55 sena, Albert għadda minn episodju fejn qal li kien “kważi tkisser għal kollox”. Dak iż-żmien kien jgħix barra u kellu aġenzija tal-vjaġġi. Sostna li kien għamel diżastru u li martu, f’dan iż-żmien diffiċli għamlet minn kollox sabiex hu reġa’ ġie lura kif kien.

Lina wkoll tkellmet dwar kif il-kundizzjoni ta’ Albert affetwat ir-relazzjoni tagħhom. Hi qalet li għall-ewwel ġiet bħala xokk kbir. “Meta tara r-raġel tiegħek bħal qisu jgħix f’dinja oħra tibda tgħid, jiena hekk se nqattagħha ħajti? Ma’ bniedem li mhux hu?” Sostniet li l-mumenti l-aktar gravi tal-kundizzjoni ta’ Albert huma tal-biża u jirrikjedu ħafna paċenzja. Madanakollu hi ppruvajt dejjem iżżomm f’moħħha li Albert iħobbha, li għandu qalb tajba u li dan l-aġir ġej minn xejn ħlief il-kundizzjoni tiegħu.

Flimkien, huma ffundaw l-organizzazzjoni BePositive Bipolar Self-Help Malta, fejn hemm ilaqqgħu diversi persuni li wkoll għandhom din il-kundizzjoni sabiex jitkellmu flimkien u jkunu ta’ sapport għal xulxin.

Grazzi lil The Atrium tal-vawċer li pprovda lil Albert u Lina bħala rigal fi żmien San Valentinu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com