Kemm tiswina biex nidhru sew?

 Kemm tiswina biex nidhru sew?

Bil-flus tagħmel triq fil-baħar jgħidu. Il-flus mhux kollox u fl-istess ħin, mingħajr flus, la tgħannaq u anqas tbus. Kollox idur mal-flus.

Nonfqu l-flus biex nidhru sew u “ħaqqna le? Mela naħdmu biss?”, tinstema’ spiss tingħadd.

Imbagħad skont kif tonfoq. In-nisa kien hemm żmien li jonfqu iżjed mill-irġiel imma f’dawn l-aħħar snin, rajna kif raġel sar jagħti kas ħafna ħafna iżjed minn qatt qabel. Jekk qabel raġel jilbes slipper hu li hu basta slipper, illum iridu bi stil. Jekk insemmu l-barbier, qabel daħlet il-mod u l-użanza tal-barbieri għall-irġiel biss, kont issib ħafna li jaqtgħu xagħarhom f’salon tan-nisa u kienet tiġiehom irħisha. Dawn kien hemm u ma kienx hemm tgergir fuqha. Il-barbier il-Malti ta’ dari kien beda jmajna.

Imma tfaċċaw l-Isqallin u t-Taljani; jaqtgħulek xagħarek bi stil bil-fade, inaqqulek is-suf t’għajnejk, is-suf minn widnejk u dak in-naqra xugaman jaħraq ħalli tħossok aħjar u nadif ma jonqosx. Dan żied fl-infieq ovvjament.

Jekk insemmu wkoll il-kura tal-wiċċ; l-irġiel ukoll żdiedu li jmorru jindukraw wiċċhom. Anke l-messaġġi saru norma għal saħħa aħjar.

Bla dubju, jibqgħu fuq nett fir-rigward ta’ nfieq huma l-ħwejjeġ. Ħwejjeġ tas-sibt u l-ħadd kważi qas għad hemm distinzjoni għax il-bniedem, u bir-raġun, irid jidher tajjeb mit-tnejn sal-ħadd. Dan anke minħabba s-saħħa tal-facebook, instagram u midja soċjali oħra … ċlikk – ritratt – before and after, qtajt xagħari u ħallina nieħdu gost bil-kumment: “Għal-logħob l-artist!”

is-suġġett huwa vast. Il-creams tal-idejn, tas-saqajn u l-make up fuq in-nisa …. kollox iżid fl-infieq tagħna, imma “Ħaqqna nidhru l-aħjar għax ħajja waħda għandna.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com