Kif tkun taf jekk il-bagalja telgħatx miegħek fuq l-ajruplan?

 Kif tkun taf jekk il-bagalja telgħatx miegħek fuq l-ajruplan?

Jekk inti wieħed minn dawk li meta ssiefer b’bagalja kbira jkollok imsarnek fis-swaba ta’ saqajk li se jitilfulek il-bagalja, hemm xi ħaġa sempliċi li tista’ tagħmel li faċli sserraħlek moħħok.

Lura f’April tal-2021, Apple ħarġet l-ewwel verżjoni tagħha tal-AirTags. L-AirTags huma apparat ċkejken u tond, kbir daqs munita mdaqqsa u li bażikament kapaċi jgħinek tifhem fejn tkun ħallejt oġġett jew ieħor.

Kif taħdem l-AirTag?

L-AirTag taħdem permezz tas-sinjali Bluetooth. L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel huwa li tikkollega l-AirTag mal-iPhone permezz tal-funzjoni magħrufa bħala FindMy. Inkella jekk għandek mobile Android, tista’ tniżżel l-app apposta għall-AirTag.

Is-sistema taħdem permezz tas-sinjali Bluetooth li jintbagħtu mill-AirTag għall-mowbajl mingħajr il-bżonn li tuża’ Wi-Fi jew internet. Kull mowbajl jista’ jikkollega sa massimu ta’ 16-il AirTag differenti u biex tiddistingwi waħda mill-oħra tista’ tagħtihom ismijiet differenti skond ma’ xiex se jkunu qed jintużaw.

Allura kif nista’ nżomm għajnejja fuq il-bagalja anke meta din ma tkunx għandi?

Jekk se ssiefer u tixtieq tassikura li l-bagalja l-kbira titla’ miegħek fuq l-ajruplan, mod faċli kif tagħmel dan huwa billi titfa’ l-AirTag fil-bagalja. Jekk qabel ma l-ajruplan jitlaq, din tibda tidher il-pożizzjoni tagħha fiż-żona tal-ajruplan li qiegħed fuqu, mela m’għandekx inkwiet ta’ xejn.

Anke jekk il-bagalja bl-AirTag tiegħek tinsab f’pajjiż ieħor, xorta se tkun tista’ ssib il-pożizzjoni tagħha speċjalment jekk fil-viċinanzi tagħha hemm persuni li jagħmlu użu mill-iPhones. Dan hekk kif is-sinjal tal-Bluetooth jintbagħat lil dawn il-mowbajls li awtomatikament itellgħuh fis-sistema tal-iCloud li mbagħad turi l-pożizzjoni tal-bagalja fuq l-app tal-proprejtarju.

Ma’ fejn aktar nista’ nużaha l-AirTag?

Jekk inti persuna li titlef affarijiet essenzjali bħaċ-ċwievet, il-kartiera, il-basket, il-karozza, eċċ, allura l-AirTag tista’ tibda tgħinek titlef ftit inqas ħin tfittex. Hawn min ukoll iqabbadha mal-basket tal-iskola tat-tfal sabiex ikun jaf fiex waslu huma u sejrin jew huma u ġejjin lura bil-vann tal-iskola.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com