L-10 kmandamenti għal relazzjoni ta’ suċċess skond Dr Briffa
- Tim Strada Rjali
- Tuesday, 13 February 2024, 5:00
- 0
Għada hija l-festa tant mistennija minn ħafna maħbubin fejn bosta jagħmlu l-ħila tagħhom sabiex b’xi mod jew ieħor jesprimu l-imħabba tagħhom lejn is-sieħeb jew sieħba. Iżda nafu wkoll li l-imħabba għandha tintwera matul ir-relazzjoni kollha u mhux f’San Valentinu biss.
Aħna ta’ Stradarjali ltqajna ma’ Dr Nicholas Briffa, Psikologu u Sesswologu magħruf lokalment, u hu spjegalna propju x’inhuma dawk l-ingredjenti ewlenin sabiex relazzjoni ta’ imħabba tkun feliċi, ta’ sodisfazzjoni u tibqa’ ħajja matul is-snin. X’inhuma l-10 kmandamenti għal relazzjoni ta’ suċċess skond Dr Briffa?- Ir-rispett – għandna nifhmu li kull persuna ġejja bl-esperjenzi differenti tagħha u b’hekk għandna bżonn nirrispettaw lil xulxin u nilħqu kompromess. Irid ikollna r-rieda li niltaqgħu nofs triq.
- Il-fiduċja – dan ma jfissirx biss li ma titradix lill-persuna l-oħra. Dan ifisser li fl-atteġjamenti u l-attitudnijiet tagħna, dejjem naġixxu fl-interess tal-persuna li nħobbu u viċi-versa.
- Il-komunikazzjoni – din hija waħda mill-ikbar raġunijiet għaliex persuni jesperjenzaw nuqqas ta’ kuntentizza. Illum il-ġurnata il-koppji jaħdmu t-tnejn li huma, ġieli anke aktar minn 40 siegħa. Importanti li qalb dan kollu, jinstab ukoll ħin biex nikkomunikaw, ‘il bogħod minn distrazzjonijiet bħall-impenji u t-teknoloġija.
- L-impenn lejn xulxin – dan ifisser li aħna nagħtu prijorità lir-relazzjoni u naraw li d-deċiżjonijiet li nieħdu, nieħduhom fl-aħjar interess għar-relazzjoni.
- Attitudni ta’ karità ma’ xulxin – jiġifieri għandna nkunu qalbna tajba u ġentili ma’ xulxin.
- Nieħdu gost bil-kumpanija ta’ xulxin – l-aspett rikreazzjonali tar-relazzjoni ġeneralment ikun qawwi fil-bidu u jibda jonqos maż-żmien. Importanti li matul ir-relazzjoni tagħna, minkejja l-isfidi li naffaċċjaw, inżommu l-element ta’ gost flimkien u li nieħdu pjaċir nagħmlu l-affarijiet flimkien.
- Ninkoraġġixxu l-ħolm ta’ xulxin – dan ifisser li għandna nidħlu fil-ħajja ta’ xulxin u nieħdu interess sabiex niffaċilitaw u nagħmlu l-kuraġġ lis-sieħeb jew sieħba tagħna bl-iskop li ngħinuhom jilħqu l-għanijiet tagħhom.
- Nieħdu deċiżjonijiet flimkien – kull deċiżjoni, mill-iċken sal-aktar deċiżjoni kbira għandna nieħduha flimkien u fl-aħjar interess tal-koppja, kemm bħala individwi, kif ukoll anke bħala familja.
- Nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ xulxin – kull koppja għandha jkollha komunikazzjoni fluwida sabiex ikunu indirizzati affarijiet li jistgħu jagħmlu l-ħajja tal-persuna aktar sodisfaċenti. Dan jinkludi wkoll l-aspett sesswali li jiġi mar-relazzjoni. Minkejja li s-sess mhux kollox, dan huwa ingredjent importanti għal relazzjonijiet intimi u romantiċi.
- Li tħossok maħbub – kull persuna għandu interpretazzjoni differenti ta’ xi tfisser l-imħabba, iżda Dr Briffa, jiddeskrivi l-imħabba bħala l-impenn u l-għażla li tagħti importanza, kura u attenzjoni lil xi ħadd. Jiġifieri, li ġġib il-bżonnijiet tagħhom qabel tiegħek. Hija wkoll xi ħaġa reċiproka, jiġifieri li tagħti u tirċievi.