Prodotti naturali biex telimina l-brija
Xbajt tonfoq flus fuq prodotti biex telimina il-brija?
Jekk xbajt tonfoq flus fuq prodotti differenti biex tipprova telimina l-brija f’xagħrek, iftaħ għajnejk sew għax dan l-artiklu se jgħidlek xi prodotti naturali tista’ tuża minflok.
Fis-suq hawn ħafna prodotti li jinsistu li għandhom ir-riċetta perfetta sabiex jeliminaw il-brija, iżda wara li tonfoq ġidek taqbeż minn prodott għall-ieħor tibda tinduna li ħafna minnhom mhux daqshekk effettivi. Il-prodotti li huma effettivi mbagħad jiswew ħafna flus u wħud minnhom jinkludu ħafna kimiċi li sfortunatament isewwu naħa u jkissru oħra!
Aħna ta’ Stradarjali għaqqadna lista ta’ prodotti naturali li tista’ tuża sabiex tnaqqas u anke telimina l-brija f’xagħrek.
- Aloe Vera – qabel ma taħsel xagħrek bix-shampoo, għorok il-qurriegħa bil-ġelatina li tinsab fil-weraq tal-Aloe Vera.
- Ħall tat-tuffieħ (Apple cider vinegar) – ħallat kwart ta’ tazza ħall tat-tuffieħ ma’ kwart ta’ tazza ilma u ferra din it-taħlita fuq il-qurriegħa. Ħalliha għal madwar 15-il minuta, imbagħad laħlaħ xagħrek u l-qurriegħa sew.
- L-aspirina – farrak żewġ pilloli tal-aspirina u ħallathom max-shampoo tiegħek imbagħad għorok xagħrek. Ħallih joqgħod għal madwar żewġ minuti u laħalħu.
- Baking soda – xarrab xagħrek u wara għorok il-qurriegħa bil-baking soda. Ħalliha toqgħod għal ftit minuti, imbagħad laħlaħ xagħrek.
- Meraq tal-lumi – għorok żewġ magħref meraq tal-lumi mal-qurriegħa u ħalliha toqgħod għal ftit minuti qabel ma’ tlaħlaħha. Wara, ħallat mgħarfa oħra meraq ma’ tazza ilma u ferraha mill-ġdid fuq il-qurriegħa.
- Żejt taż-żebbuġa – għorok ftit qtar taż-żejt taż-żebbuġa mal-qurriegħa qabel ma torqod, għatti xagħrek b’shower cap u l-għada filgħodu aħsilha b’mod normali.