Qatt ma żżewġet imma ħajjitha dejjem kienet mimlija bl-imħabba

 Qatt ma żżewġet imma ħajjitha dejjem kienet mimlija bl-imħabba

Carmen Spiteri, li llum għandha 90 sena, qatt ma żżewġet, iżda ħajjitha dejjem kienet mimlija bl-imħabba.

F’intervista ma’ Stradarjali, Carmen spjegat li m’hemmx għalfejn ikollok raġel biex ma tkunx waħdek u ammettiet li hi, tul ħajjitha qatt ma ħassitha waħedha. Insistiet li jekk ikollok ħbieb tajbin u li jirrispettawk u tiffoka fuq il-passatempi u l-ħiliet tiegħek, ħajtek dejjem se tkun mimlija.

Infatti, Carmen ilha snin twal taħdem bħala parrukkiera, u għadha tagħmel dan sal-lum! Qaltilna li meta kienet għadha żgħira bdiet tfaddal il-flus biex tmur tagħmel korsijiet tal-parrukkiera l-Ġermanja u l-Ingilterra. Hi rnexxiela tagħmel dan u meta rritornat Malta bdiet taħdem f’dan ix-xogħol. Spjegat li hi qatt ma waqfet titgħallem u mhux l-ewwel darba li tara xi parrukkiera fuq it-televiżjoni jużaw xi teknika differenti u hi tipprova tagħmel bħalhom.

Carmen għandha imħabba kbira għaż-żfin

Carmen ma tħallix l-età tagħha twaqqafha milli tiżfen. Spjegat li kienet propju ħabiba tagħha li ssuġġeritilha li jibdew imorru għal-lezzjonijiet taż-żfin. Hi bdiet tmur ta’ spiss u l-imħabba tagħha għaż-żfin kompliet tikber. Qalet li grazzi għal dan għamlet ukoll diversi ħbieb ġodda, u tant sar post importanti għaliha li anke fil-ġranet li tkun muġugħa, tara kif tagħmel biex xorta tmur għas-sessjonijiet taż-żfin!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com