Sagrifiċċji għar-Randan
Huma diversi dawk il-persuni kattoliċi li jagħmlu xi tip ta’ sagrifiċċju matul iż-żmien tar-Randan. Is-sagrifiċċju huwa użanza ta’ dan iż-żmien li jirrappreżenta l-prattika tad-dixxiplina u jfakkar lill-kattoliċi fis-sagrifiċċju li għamel għalihom Ġesù.
L-aktar sagrifiċċju faċli u komuni li nisimgħu bih huwa li taqta’ l-ħelu għall-40 jum jew kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa. Iżda forsi wasal iż-żmien li nkunu naqra iktar avventurużi bis-sagrifiċċji tagħna u forsi bihom nindirizzaw xi wħud mill-vizzji koroh li għandna!
1. Ma titfax kummenti bla sens fuq il-midja soċjali
Jekk m’għoġbokx il-make-up ta’ Rita u jekk Pawlu qal xi bla sensata u mejjet biex titfalhom kumment jaħraq li taf li se jqajjem gwerra, mela aħsibha darbtejn. Jekk trid tagħmel sagrifiċċju bis-sugu dar-Randan, forsi dan jista’ jkun wieħed perfett biex innaqqsu l-mibgħeda u kummenti ħorox minn wara l-kompjuter. Jekk xi ħaġa m’intix kapaċi tgħidha lil xi ħadd f’wiċċu, mela żgur lanqas m’għandek tiktibha f’kumment onlajn!
2. Tnaqqas ftit mir-road rage li għandek meta tkun qed issuq
Jekk inti wieħed minn dawk li taqbad twerżaq fil-karozza malli xi ħadd jagħmel xi paprata jew jieħu xi żball ġenwin, mela sagrifiċċju perfett għalik huwa li tnaqqas ftit mir-rabja waqt is-sewqan. It-traffiku f’Malta huwa stressanti biżżejjed, qabda nies iwerżqu lejn xulxin ma jgħinux!
3. Li tuża’ l-mowbajl inti u ssuq
Apparti li huwa illegali, nafu li ħafna minna huma u jsuqu mhux l-ewwel darba li jispiċċaw iħarsu lejn il-mowbajl jew għax qed iċemplilhom xi ħadd, jew għax daħal xi email jew messaġġ u jew għax xebgħu jiċċassaw fit-traffiku. Irrelevanti x’inhi r-raġuni, għal dan ir-Randan (u għall-bqija ta’ ħajtek!) tużax iktar il-mowbajl inti u ssuq.
4. Li tgħafas “snooze” meta jdoqq l-iżveljarin
Jekk inti ‘l hena tiegħek tagħfas snooze malli jdoqq l-iżveljarin ta’ kull filgħodu, sagrifiċċju interessanti għalik huwa li matul ir-Randan tqum mal-ewwel daqqa! Iva, sewwa qrajt, jekk irridu sagrifiċċju li jiswa verament, irridu naraw kif innaqqsu l-vizzji li ma jagħmlulniex tant ġid!
5. Li tixrob l-energy drinks
Apparti li huma ħażin għaġeb għas-saħħa, jekk inti t-tip ta’ persuna li tgħix fuq l-energy drinks, sagrifiċċju tajjeb għalik huwa li taqta’ dawn il-bevandi matul ir-Randan.
6. L-użu tal-mowbajl qabel ma torqod
Jekk għandek il-vizzju li meta tidħol fis-sodda biex torqod taħli siegħa (jew tlieta) oħra fuq il-mowbajl tqalleb fil-vojt, mela kkunsidra tagħmel is-sagrifiċċju li qabel ma torqod, ma tmissx il-mowbajl tiegħek.
7. L-użu tal-midja soċjali
Għal dawk li huma addicts tal-midja soċjali, sagrifiċċju tajjeb huwa li jnaqqsu l-użu ta’ dawn l-apps matul ir-Randan. N.B. Taqtgħux għal kollox, inkella kif se tkun tista’ ssegwi l-istejjer tagħna?!
8. Id-dagħa
Jekk int persuna li f’sentenza tgħid iktar ħaqq dak u ħaqq l-ieħor minflok kliem bis-sens għandna sagrifiċċju għalik ukoll: aqta’ d-dagħa. Niggaratulek li l-Malti għandu kliem sabiħ biżżejjed biex iżżejjen is-sentenza tiegħek, id-dagħa ma jagħmel xejn ħlief ibaxxik!
9. Taqta’ n-negattività
Jiġu diversi mumenti diffiċli fil-ħajja u xi kultant ikun diffiċli tħares lejn il-pożittiv. Madanakollu, jekk inti persuna li dejjem taħseb fin-negattiv, dan ir-Randan ipprova aqleb il-folja u ibda rażżan dawn il-ħsibijiet koroh. Il-ħajja diffiċli biżżejjed, kummenti negattivi kapaċi jkissru lilek u lil ta’ madwarek iktar milli jgħinuk tħossok aħjar.
10. Li tasal tard
Jew għax weħilt fit-traffiku, jew għax ma daqqlekx l-iżveljarin, jew għax sebaħ u jew għax dalam, dejjem insibu xi raġuni għaliex inkunu wasalna tard. Dar-Randan, sagrifiċċju interessanti u li jiswa ħafna huwa li nippruvaw kemm jista’ jkun immorru fejn għandna mmorru fil-ħin.
Se tkun qed tagħmel wieħed minn dawn inti?