Se jsir festival li se jivvjaġġa fil-baħar Mediterran permezz ta’ Dgħajsa-mużew

 Se jsir festival li se jivvjaġġa fil-baħar Mediterran permezz ta’ Dgħajsa-mużew

Dan il-festival se jsir f’Malta bejn il-21 u l-31 ta’ Marzu li ġej. Dan se jsir mill-Fondazzjoni Art Explora, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv fix-Xatt Pinto, il-Valletta Waterfront.

Se joffri 10 ijiem ta’ programmi artistiċi u kulturali mingħajr ħlas abbord il-bastiment u fuq il-moll.

Dan l-avveniment jissimbolizza l-bidu ta’ vjaġġ bil-baħar straordinarju madwar il-Mediterran, li fih Malta ser tkun l-ewwel minn sensiela ta’ waqfiet.

Dan il-festival jipprovdi lill-artisti, kuraturi, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet non-profit u NGOs l-opportunità li jilħqu l-udjenzi tagħhom f’festival li l-kontenut tiegħu huwa msejjes fuq il-wirt ta’ kull pajjiż li jżur il-bastiment.

Interessanti li bejn ir-rebbiegħa tal-2024 u l-ħarifa tal-2026, id-dgħajsa-mużew se tivvjaġġa lejn 15-il pajjiż madwar il-Mediterran.

Li tirkeb fuq dgħajsa minnha nnifisha hija esperjenza, u ser tkun saħansitra aktar unika bl-iskoperta ta’ programmi artistiċi u kulturali uniċi kemm abbord kif ukoll fuq l-art.

Iddisinjat mill-periti Axel de Beaufort u Guillaume Verdier, u mibni fit-tarzna Perini Navi fl-Italja, id-dgħajsa-mużew huwa twil 46.5 metru u għoli 55 metru. Jista’ jilqa’ sa 2,000 ruħ abbord kuljum u ser jospita l-wirja immersiva ‘Present’ bil-kollaborazzjoni tal-Mużew tal-Louvre, li titfa’ dawl fuq figuri femminili fiċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Mediterran. Bħala parti mill-wirja se jintwera film fuq il-gverta ta’ wara tad-dgħajsa u esperjenza immersiva fil-gallerija ewlenija. Fuq in-naħa ta’ fuq tad-dgħajsa, il-viżitaturi ser imorru fuq vjaġġ li jinvolvi taħlita ta’ ħsejjes tal-Mediterran iddisinjat mill-x Ircam taċ-Ċentru Pompidou.

Il-mużew ta’ fuq id-dgħajsa ser ikun akkumpanjat minn villaġġ artistiku li ser jittella’ f’żona qrib il-moll, li fih ser jiġi ppreżentat programm ta’ avvenimenti kulturali, li fil-każ ta’ Malta qed jiġi mfassal minn Spazju Kreattiv u kkurat minn Daniel Azzopardi. Il-programm huwa ffukat fuq ix-xena tal-arti lokali u internazzjonali, u jinkludi aktar minn 30 inizjattiva u 55 attività li jindirizzaw diversi suġġetti rilevanti għar-reġjun tal-Mediterran.

Ser jittella’ wkoll programm bl-isem ‘Ocean Weekends’ bejn it-22 u l-24 ta’ Marzu, fejn l-udjenza huma mistiedna għal sensiela ta’ diskussjonijiet, wiri ta’ films, u taħditiet li ser ilaqqgħu flimkien kelliema ewlenin mid-dinja tal-arti u x-xjenza madwar il-kwistjoni tal-emerġenza klimatika tal-oċeani. L-Ocean Weekend se jkun kkurat b’mod konġunt mal-Biennale ta’ Malta.

Opportunità wkoll Waqt għall-artisti, xjentisti u riċerkaturi li se jkunu mistiedna jieħdu sehem f’residenzi ta’ xahar abbord il-bastiment f’belt Mediterranja oħra.

Il-pubbliku huwa mistieden jattendi dan il-festival li se joffri firxa wiesa’ ta’ avvenimenti għall-familja kollha. Għal aktar informazzjoni żur http://www.kreattivita.org .

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com