Tħobbuha x-xemx? Kemm ikollna sigħat ta’ xemx f’sena?
Malta hija magħrufa għax-xemx tant li għal ħafna snin, kienet irreklamata bħala l-gżira tax-xemx flimkien mal-baħar.
Fil-fatt, Malta tgawdi madwar xi 3,000 siegħa ta’ xemx fis-sena (fost l-ogħla ammonti fl-Ewropa wkoll), minn medja ta’ iktar minn ħames sigħat ta’ xemx f’Diċembru sa medja ta’ iktar minn 12-il siegħa kuljum f’Lulju.
Għaldaqstant, Malta tgawdi d-doppju tal-ammont ta’ xemx li jkollhom il-bliet fit-Tramuntana tal-Ewropa. B’paragun, Londra tgawdi 1,461 siegħa ta’ xemx fis-sena.
Interessanti l-fatt kif Malta jkollha ħafna iktar xemx fix-xitwa. Fil-fatt, f’Diċembru Malta tgawdi 161 siegħa ta’ xemx filwaqt li Londra jkollha 37 siegħa ta’ xemx biss.
Mhux ta’ b’xejn ifittxuha din l-art il-barranin.