X’għandek tagħmel biex titgħallem tfaddal aktar?

 X’għandek tagħmel biex titgħallem tfaddal aktar?

Jekk xahar wara xahar qed issibha diffiċli biex twarrab xi ħaġa tal-flus biex f’każ ta’ bżonn, issibhom, m’intix waħdek. Huma ħafna dawk li minħabba l-ogħli tal-ħajja jew nuqqas ta’ għarfien mhux qed jirnexxielhom iwarrbu sold. Madanakollu, permezz ta’ dan l-artiklu se nippruvaw nissuġerulkom ftit modi ta’ kif tistgħu tippruvaw twarrbu xi ħaġa kull xahar.

Ibda ħu nota tal-ispejjeż tiegħek

L-ewwel pass huwa li tibda tifhem fejn qed tonfoq il-flus u tieħu nota ta’ dak kollu li tħallas jew tixtri kull xahar. Minn hawn jaf tibda tinduna li forsi hemm xi spejjeż żejda li qed tagħmel u li tista’ tibda tnaqqashom. Minflok, il-flus li kont tonfoq tista’ tibda twarrabhom.

Oħloq baġit għax-xahar u inkludi somma għat-tfaddil

Malli tidħol il-paga, ara li tikteb il-mod kif se tqassamha matul ix-xahar li ġej billi tagħmel baġit. F’dan il-baġit ikkalkula wkoll parti li trid tiġi mfaddla u warrabha f’kont separat mill-ewwel.

Ara xi spejjeż għandek ta’ servizzji li jaqtgħulek il-flus dirett mill-kont tal-bank

Xi ħaġa li faċli ħafna ninsew li għandna huma dawk il-pagamenti awtomatiċi li jsiru għal ħafna servizzji online li ġieli lanqas biss nibqgħu nużaw. Eżempju jekk inti Netflix ma tużahx imma għandek kont, dan jaqtalek il-flus dirett mill-bank. Allura forsi għandek twaqqaf il-kont tiegħek sakemm issib użu u ħin biex tużah. Bħal Netflix hemm diversi servizzji oħra online bħal Spotify, Apple Music, Google Play u Canva fost l-oħrajn.

Iddetermina x’inhuma l-prijoritajiet finanzjarji tiegħek

Poġġi ftit mal-mejda b’karta quddiemek u ikteb ftit x’inhuma l-aktar affarijiet importanti għalik bħal li jkollok x’tiekol u x’tixrob u li tħallas l-ispejjeż tad-dar fost oħrajn. Jekk hemm spejjeż li tista’ tgħix mingħajrhom mela minflok tagħmilhom darba f’ġimgħa, jew darba f’xahar, forsi tibda tagħmilhom inqas frekwenti u l-flus li kont tonfoq hawn, twarrabhom minflok.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com