6 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-frawli

 6 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-frawli

Bħalissa dieħel ħelu ħelu żmien il-frawli, perjodu fejn nibdew nhedew nagħmlu smoothies kontra smoothies biex inħossuna healthy, filwaqt li aktar ta’ spiss nieklu din il-frotta staġjonali. Iżda kont taf dawn il-fatturi dwar il-frawli?

Il-Maltin iħobbu jieklu l-frawli!

Matul dan iż-żmien tas-sena, bosta jkunu ħerqanin biex jattendu l-Festa Frawli li ssir l-Imġarr Malta fejn issib tixtri l-itjeb frawli f’Malta, kif ukoll ħafna prodotti tal-ikel magħmulin bil-frawli. Intant, tara bosta jiddibattu bejniethom minn fejn wieħed jista’ jixtri l-itjeb frawli għall-irħas prezz.

Hemm ċans li l-frawli mhix eżattament frotta

Skond il-botanisti, il-frawla hija magħmula minn “accessory tissue”. Infatti jidher li l-frotta hija propju il-parti fejn naraw iż-żerriegħa fuq il-qoxra tal-frawla. Intant, il-parti l-ħamra hija parti mill-pjanta li tgħaqqad flimkien iż-żerriegħa u tipproteġiha b’tali mod li d-distribuzzjoni tagħha ssir b’mod naturali wara li tittiekel mill-annimali jew min-nies!

Forma differenti ta’ warda

Il-frawli mhux dejjem ikollom dik ir-riħa fragranti ta’ xi bukkett ward, iżda jidher li l-pjanta tal-frawli u dik tal-warda huma ġenetikament simili. Infatti, il-botanisti jikklassifikaw il-frawli bħala membri tal-familja tal-ward. Intant, f’ħafna pajjiżi, il-frawli jieħdu wkoll l-istess tip ta’ sinifikat tal-ward, jiġifieri jirrappreżentaw l-imħabba, parzjalment minħabba l-kulur tagħhom, il-ħlewwa tagħhom, iżda wkoll għax għandhom livell għoli ta’ nitrat. Meta kkunsmat, in-nitrat jagħtik sensazzjoni sabiħa bħal meta tiltaqa’ ma’ xi maħbub jew maħbuba.

Intużaw ħafna għall-propjetajiet mediċinali tagħhom

Ir-Rumani kienu jħarsu lejn il-frawli bħala tip ta’ mediċina u kien jemmnu li setgħet tfejjaq ħafna mard inkluż il-ġebla u anke uġigħ fil-griżmejn. Kienu jemmnu wkoll li l-frawli jikkuraw id-dipressjoni u anke jneħħu r-riħa tinten fil-ħalq.

Il-frawli jiġu f’kuluri differenti

Minkejja li mdorrijin naraw il-frawli ħomor, hemm frawli oħrajn b’kuluri differenti u li saħansitra anke għandhom togħmiet differenti. Il-varjetajiet tal-frawli li wieħed jista’ jsib jinkludu dawk roża, bojod u sofor. Intant, hemm min irnexxielu anke joħloq frawli vjola, blu u anke suwed mingħajr il-bżonn li jibdel il-ġenetika tal-pjanta.

Kien hemm min kien juża l-frawli biex jinħasel

Madam Tallien, persuna magħrufa fi żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża kienet magħrufa bħala l-mara li kienet tinħasel fil-meraq tal-frawli. Kien jingħat li kienet tuża mal-10 kilogrammi frawli kull darba li tinħasel.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com