Bħalissa għaddej il-maltabiennale.art 2024 – f’pajjiżna, din qed isir għall-ewwel darba

 Bħalissa għaddej il-maltabiennale.art 2024 – f’pajjiżna, din qed isir għall-ewwel darba

Nhar it-Tlieta li għaddew 12 ta’ Marzu 2024, fetaħ il-maltabiennale.art. Dan il-biennale, taħt il-patrunaġġ ukoll tal-President ta’ Malta, qed isir għall-ewwel darba f’Malta u għandu għaddej sal-aħħar ta’ Mejju b’rappreżentazzjonijiet ta’ arti kontemporanja madwar il-pajjiż kollu.

Għax-xahrejn u nofs li ġejjin Malta se tkun fiċ-ċentru tal-kalendarju kulturali u artistiku dinji. Bit-tema l-Mediterran, ‘Baħar Abjad Imsaġar taż-Żebbuġ’, f’dan il-biennale organizzat b’mod ewlieni minn Heritage Malta, il-MUŻA u l-Kunsill Malti għall-Arti se jieħdu sehem ’il fuq minn mitt artist.

Dan il-biennale qed isir ukoll taħt il-patroċinju tal-UNESCO b’arti inklussiva fejn għaliha, id-dritt ta’ kulħadd.

Malta qed tkun iċ-ċentru tal-paċi b’valuri ta’ kreattività u koperazzjoni.

Bis-saħħa tal-kultura, qed tilgħab irwol biex iġġib flimkien diversi artisti u pajjiżi, tant li meta ħarġet is-sejħa internazzjonali għall-artisti, in-numri ta’ proposti artistiċi kienu kbar u sorprendenti. Tant li Heritage Malta rċeviet iktar minn 2,500 proposta minn 118-il pajjiż.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta u President u fundatur ta’ maltabiennale.art, Mario Cutajar, fisser kif il-maltabiennale.art mhux biss arti. Dan l-avveniment kulturali tas-sena huwa opportunità biex nagħrfu lilna nfusna bħala Maltin u niflu u naħsbu fuq il-madwar tagħna. Fid-diskors tiegħu, huwa stqarr, “Qegħdin inżewġu l-istorja tagħna permezz tas-siti storiċi li Heritage Malta għandha mxerrda ma’ Malta kollha mal-arti kontemporanja u dan jagħmel dan il-Biennale uniku”. Mario Cutajar żied ifisser l-importanza li nħarsu lejn ilbieraħ biex nifhmu iktar illum, nifhmu aħna minn aħna u b’hekk ngħinu biex inħarsu ’l quddiem b’iktar kunfidenza.

Il-kuratriċi tal-Biennale Malti, Sofia Baldi Pighi, spjegat li l-arti mhix dekorazzjoni. Hija ħlejqa attiva u vibranti li kapaċi tinbet fis-soċjetà u tqajjem il-ħsieb kritiku u indipendenti. Hija qalet li tassew temmen li l-arti hija dejjem politika, u l-arti kontemporanja trid tkun kuraġġuża biżżejjed biex tindirizza kwistjonijiet kurrenti. Żiedet tistqarr li l-għan tal-arti qatt mhu li tagħti tweġibiet, iżda li tqanqal mistoqsijiet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com