“Dil-qagħqa taqsmilkom qalbkom daqs kemm tfuħ!”

 “Dil-qagħqa taqsmilkom qalbkom daqs kemm tfuħ!”

Jekk intkom iffissati daqsna li f’dan iż-żmien tridu tieklu l-qagħaq tal-appostli, mela żgur jinteressakom tisimgħu dwar din il-qagħqa tal-appostli differenti!

Il-qagħaq tal-appostli aħna nafuh bħala dak il-ħobż forma ta’ ftira, miksi bil-ġunġlien u l-lewż. Dak il-ħobż li malli tixtrih taqsmu, sempliċiment iddelku bil-butir u tieklu bl-istess tip ta’ sodisfazzjon daqslikieku qed tiekol xi rib-eye daqsiex.

Madanakollu, hemm forn f’Ħal Qormi li apparti l-qagħaq tradizzjonali jagħmel ukoll il-qagħqa tal-appostli bil-ħabaq. Iva, sewwa smajtu… bil-ħabaq! Din il-qagħqa speċjali ssibuha mingħand ħadd aktar ħlief Paul ta’ Kalċ Bakery, u ħa ngħidulkom aħna morna u nistgħu niggarantulkom li taqsmilkom qalbkom daqs kemm tfuħ.

Wara li jaħdmu l-għaġina, il-furnara ta’ Paul ta’ Kalċ jaqtgħuha f’biċċiet u jgħadduha minn makkinarju li joħroġha f’forma ta’ bezzun. Wara, il-furnara jkomplu billi jaqbdu bezzun bezzun u jdawwruh f’qagħqa, jiksuha bil-ħabaq u jitfgħuha ssir fil-forn.

Din it-tip ta’ qagħqa tinżel għasel kemm jekk iddellika bil-butir, kif isir tradizzjonalment, jew inkella żżidilha xi ftit żejt taż-żebbuġa, bżar u melħ u għidilna x’qed tiekol!

Allura issa li propju żmiena, sib mument u erħilha s’għand Paul ta’ Kalċ sabiex tixtri qagħqa tal-appostli bnina u differenti! Nhar il-Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, Paul ta’ Kalċ se jkun miftuħ 24/7 fejn apparti l-qagħqa, se ssiblu wkoll l-isfineġ tal-inċova u tat-tonn taż-żejt, imqaret u aktar ħelu tradizzjonali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com