Eluf marru l-purċissjoni tad-Duluri – Turija ta’ fidi jew xita’ ta’ egoiżmu u ipokrezija?!
Dan it-titlu fih ħsieb qawwi. Li tmur purċissjoni hija xi ħaġa sabiħa għal min iħaddan ir-reliġjon Kattolika u hekk titlob li jsir.
Imma n-nies li jkunu wara l-purċissjoni, mingħajr ma nirreferu għal kulħadd għax kif dejjem ngħidu, qatt ma tista’ tiġġeneralizza, veru li fil-fond ta’ qalbhom qegħdin hemm għal skop ġenwin?
Kemm veru jixtiequ l-paċi f’qalbhom? Imma mbagħad ma jħalluha lixxa qatt f’inkwiet tal-familja, ma jrażżnux ilsienhom bla ma jweġġgħu lil ħaddieħor, ma jikkummentawx mingħajr ma jafu l-persuna l-oħra minn xhiex għaddejja, ma jiġġudikawx, ma jitkażawx … jew l-uġiegħ tal-individwu biss huwa uġiegħ? Tiegħi nkwiet u tiegħek qżież?
Kemm verament nifhmu lil xulxin u ngħixu ta’ Kattoliċi?! Jiġri ħafna drabi, u forsi anke lil kulħadd, li kif jgħid il-Malti, “kulħadd jara u jħoss tiegħu”, imma ma nirrealizzax li l-bniedem jibda jistrieħ meta jaħfer u jżomm lura milli jaġixxi u anke jgħin mill-qalb lill-proxxmu.
Qegħdin immorru l-purċissjoni biss bħala drawwa? Jew biex niftħu moħħna u qalbna għal xulxin ukoll? Jew biss biex nitolbu interventi għalina personali?!