Ġmiel Palazzo Parisio tan-Naxxar

 Ġmiel Palazzo Parisio tan-Naxxar

Il-Palazz li jinsab fil-pjazza faċċata tal-Knisja tan-Naxxar, inbenda fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena fl-1733. Għall-aħħar tas-seklu 18, beda jintuża mill-familja Parisio Muscati bħala residenza tas-sajf. Minn Hawn ħa l-isem tiegħu.

Il-familja nobbli Parisio kienet minn Reggio Calabria. Meta Don Domenico Parisio żżewweġ lil Donna Anna Muscati fl-1760, il-familja Parisio kienet għaddejja minn żminijiet koroh u kellha ħafna djun. Iż-żwieġ ta’ Don Domenico ma’ Donna Anna kellu jkun mezz li bih il-familja toħroġ minn dan id-djun. Minn dan iż-żwieġ twieldu 5 t’ulied; Giovanni, Maria, Gaetana, Francesco u Paolo.

L-Aħħar wieħed kien l-uniku li twieled f’Malta. Hu dejjem baqa’ ma’ ommu wkoll meta ħutu l-oħra telqu lura lejn Calabria fl-1783 wara li kienu ġew Malta fi żmien it-terrimot li kien laqat dak il-post fi Frar tal-istess sena. Mhux sorpriza għalhekk, li Paolo wiret il-ġid kollu tal-familja Muscati.

Billi l-palazz kien jintuża mill-proprjetarji tiegħu fiż-żmien tas-sajf biss, dejjem kienu jgħixu fih nies oħra matul is-sena li kienu jieħdu ħsieb il-bini u l-ġonna kbar li kien hemm miegħu. Il-familja Pirotta żgur li mill-1799 kien jagħmlu dak ix-xogħol u kienu magħrufin bħala ‘Tal-Palazz’. Hekk kienu għadhom sal-1799 meta kienu waslu l-Franċiżi u ftit xhur wara bdiet ir-rewwixta tal-kampanja.

Hawnhekk jidħol il-Kavallier Paolo Parisio. Paolo kien ingħata l-grad ta’ Kavallier ta’ Devozzjoni (mhux profess) mill-Gran Mastru Ferdinandu von Hompesch. Meta l-Franċiżi daħlu Malta u ħadu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejhom, il-Kavallieri Parisio baxxa rasu għal-liġi kiefra ta’ Bonaparti.

Kien warrab il-privileġġ tan-nobbiltà tiegħu u għamel ruħu bniedem komuni. Il-Palazz tiegħu fil-Belt Valletta kien ittieħed minn Napuljun fejn għex għal dawk is-sitt ijiem li kellhom jaqilbu l-istorja ta’ Malta ta’ taħt fuq.

L-istorja ta’ Palazzo Parisio fin-Naxxar hija ferm kbira, twil u rikka. Għadu jintuża sal-lum għall-films, u avvenimenti kbar u ġieli anke statli. Huwa ġmiel imprezzabbli. Miftuħ għall-pubbliku u tkun ħasra jekk qatt ma żortu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com