Ħafna jikkollezzjonaw is-santi tal-mejtin – drawwa? Jew memorja?
Ħafna huma dawk in-nies li jfaddlu s-santi tal-mejtin. Issib min malli jisma’ l-qanpiena tal-Knisja ddoqq il-mewt, jiġri għal fuq is-sagristan isaqsieh min miet.
Bejn kurżità u rimors għal dak jew dik li ħallew id-dinja, dawn ikunu wkoll kollezzjonisti tas-santi tal-mejtin.
Li ssir is-santa ta’ min iħalli d-dinja, hija tradizzjoni marbuta mar-rit tal-funeral f’pajjiżna li b’mod awtomatiku, hija sors ta’ informazzjoni fuq in-nies. Hija l-memorja tiegħu li jkun baqa’ wara li jkun għex fuq din l-art, apparti l-qabar bil-lapida fuqu.
Fuq is-santa jkun hemm dettalji tal-persuna, l-età, meta twieldet u ismijiet ta’ qrabat li jkunu ħallew warajhom. Il-familjari jieħdu ħsieb ukoll li jagħmlu l-iktar ritratt riċenti tal-persuna u jippruvaw juruh/a fl-aħjar tiegħu.
Il-kollezzjoni tagħhom taf tkun interessanti. Tara wkoll it-tibdil fid-disinn tul is-snin li juri d-dinja kif qed tinbidel. Barra minn xtutna, din ma teżistix. Pass ‘il bogħod minna, fi Sqallija, jitwaħħlu posters mal-ħitan li jispiċċaw maż-żmien.