Id-19-il edizzjoni tal-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b’riżq Puttinu Cares … Sejrin?
Tħabbret id-19-il edizzjoni tal-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b’risq Puttinu Cares.
Il-mixja ser isseħħ fil-sigħat bikrin tal-Ġimgħa l-Kbira, 29 ta’ Marzu 2024, u cioe, bejn il-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira.
Din ser tibda mill-Pjazza tal-Mellieħa l-Ħamis f’nofsilejl (sbieħ il-Ġimgħa), u ser tispiċċa l-Fosos tal-Furjana l-Ġimgħa filgħodu.
Id-distanza hija ta’ madwar 17-20 kilometru, u tieħu madwar 4-5 sigħat.
Trasport ser ikun provdut mill-Fosos tal-Furjana dritt għall-Mellieħa qabel il-Mixja, il-Ħamis fit-8.30pm, u wara l-mixja, il-Ġimgħa filgħodu. It-trasport huwa mingħajr hlas. Puttinu Cares m’għandux x’jaqsam ma’ entitajiet oħra li qed jipprovdu trasport bil-ħlas minn lokalitajiet oħra.
Din is-sena qed tkun introdotta sistema ġdida ta’ kif tagħmel online booking u kif tħallas. Permezz ta’ din is-sistema l-ġdida, inti tista’ tagħmel id-donazzjoni tiegħek u tibbukkja t-trasport. Id-donazzjoni hija ta’ €10, iżda tista’ zzid l-ammont ta’ donazzjoni tiegħek minn fuq is-sit inti u tibbukkja.
Għal aktar informazzjoni, ċemplilna fuq 9999 1800, jew ħalli messaġġ fuq il-paġna tagħna fuq Facebook.
Sejrin?