Il-purċissjoni li kompliet tinfirex!
L-Għid il-Kbir huwa kkareterizzat mill-purċissjonijiet bl-istatwi ta’ Kristu Irxoxt li joħroġ minn għadd kbir ta’ knejjes u saħansitra anke minn każini fejn ma hemmx purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
L-iktar għeruq antiki huma fil-kottonera fejn hemm id-drawwa tal-ġirjiet bl-istatwa.
Fl-aħħar snin, din il-purċissjoni kompliet tinfirex imma din tmur lura għal żmien il-Kavallieri, propjament fil-Belt Valletta. Jingħad li l-eqdem waħda kienet toħroġ mingħand il-Franġiskani ta’ Putirjal; purċissjoni li m’għadhiex issir.
Din l-idea nfirxet sew malajr; bil-Kottonera jkunu tal-ewwel u mbagħad f’lokalitajiet oħra fosthom Ħal Qormi u n-Naxxar fis-seklu 18 fejn diġà kellhom l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt. Il-kumplament żdiedu fis-seklu 20.
Sal-lum nisimgħu li saret xi statwa ġdida ta’ Kristu Rxoxt bħal f’Ħaż-Żabbar u ssib ukoll parroċċi, li jiddeċiedu li jibdluha, jagħmlu l-ġdida u l-antika jsibulha post fil-mużew parrokkjali.