It-trasformazzjoni ta’ San Ġwann matul iż-żmien – Reġjun Tramuntana

 It-trasformazzjoni ta’ San Ġwann matul iż-żmien – Reġjun Tramuntana

San Ġwann huwa subborg b’bini relattivament modern. Madanakollu, xorta waħda għandu mkejjen arkeoloġiċi li juru l-antikità li dan il-post għandu.

Insibu fost l-oħrajn ir-raddi (cart ruts) fiż-żona ta’ Sant Andrija li jmorru lura. Probabbilment għal qabel il-Perjodu Puniku, madwar 2300-1000 QK.

Dawn juru li l-akkwata kien fiha komunità agrikola li kienet tikkultiva l-widien ta’ dak iż-żmien fertili ta’ Wied Għomor, Wied il-Ballut u Wied Għollieqa. Dawn l-abitanti preistoriċi setgħu għexu fl-għerien naturali fil-qrib. F’Wied Għomor, hemm ukoll numru ta’ ġebel megalitiku li setgħu kienu jappartjenu għal struttura Neolitika.

Din il-komunità agrikola kompliet bl-attivitajiet tagħha matul is-sekli ta’ wara. Oqbra Rumani u ċisterna mgħottija ġew skavati.. Madankollu, il-fdalijiet arkeoloġiċi tal-perjodu l-aktar rinomati huwa t-“Torri Ruman” ta’ Ta’ Ċieda. Dan it-torri kien wieħed minn tmien torrijiet difensivi li nbnew madwar Malta madwar it-3 seklu wara Kristu. Matul il-perjodu Għarbi r-reġjun kien użat bħala ċimiterju. Ir-rabtiet Għarab mal-post jistgħu jidhru wkoll fid-diversi ismijiet Semitiċi mogħtija lil diversi mkejjen kif imsemmija wkoll minn diversi dokumenti notarili medjevali. L-ismijiet qodma mogħtija lil San Ġwann fil-passat kienu – Tal-Għargħar, u L-Imsieraħ kif baqa’ magħruf sa ftit żmien ilu.

Fi żmien medjevali u fl-Assedju, kien fih kappelli u anke strutturi oħra fosthom it-Torri ta’ Lanzun. Din l-akkwata kienet ukoll importanti fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, it-Torri li semmejna ġarrab ħafna ħsara. Il-lokalità dehret fil-pjanti tal-uffiċċju Kolonjali fl-iskema tad-difiża. L-istess uffiċċju, kien ta bidu għall-bini ta’ 8 imtieħen tad-dqiq taħt l-art. Mitħna minnhom tinsab wara l-Iskola Primarja tal-Istat ta’ San Ġwann. Is-snin ħamsin wasslu wkoll għall-bini ta’ kunvent mill-Patrijiet Kapuċċini u knisja ġdida li tlestiet f’Diċembru 1959 li saret il-Knisja Parrokkjali fl-1965.

Il-komunità ta’ San Ġwann żdiedet b’mod sinifikanti fis-sebgħinijiet. Fl-2005 il-popolazzjoni kienet irreġistrata għal 12630 individwu. L-Att tal-Kunsilli Lokali tal-1993 identifika lil San Gwann bħala distrett separat bl-awtorità statutorja tal-gvern lokali tagħha stess. L-ewwel Kunsill ta’ San Ġwann ġie elett fis-16 ta’ April 1994.

Illum, il-Kunsill Lokali huwa mmexxi mis-Sindku Trevor Fenech, mill-viċi Sindku Anthony Mifsud Bonnici, u l-Kunsilliera Joan Farrugia, Dominic Cassar, Etienne Bonello du Puis, Joe Aquilina, Tania Borg, Violet Bajada u Norbert Dalli. San Ġwann jifforma parti mir-Reġjun Tramuntana.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com