Janvil u Rianne Cini jmorru date…x’kellhom xi jgħidu?

 Janvil u Rianne Cini jmorru date…x’kellhom xi jgħidu?

It-tielet episodju ta’ VIP Date ta’ Stradarjali laqqa’ lill-kantant lokali magħruf Janvil u l-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fuq il-lokalita’ tal-Birgu, Rianne Cini.

Huma ltaqgħu fir-restorant Hi Sushi, li jinsab il-Waterfront, fejn kielu ikel bnin filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.

Starters: Miso Soup, Steamed Harkow (shrimp dumplings) u Chicken Kakarage

 

Bdew billi ddiskutew l-ansjetà, suġġett li dwaru Rianne titkellem ħafna. Sabet għexieren ta’ persuni li rringrazzjawha talli tqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett, iżda oħrajn forsi xi ftit inqas. Janvil irrimarka li f’Malta għad hawn ħafna li jħarsu lejn dan is-suġġett bħala taboo u li jibżgħu jgħidu li jbatu biha.

Minn hemm imxew biex jitkellmu dwar il-fortuna. Janvil qal li minkejja li ġieli jkollu mumenti fejn iħossu bħal qisu għandu sħaba sewda tiġri warajh, iħossu fortunat u onorat li llum il-ġurnata qed jirnexxielu jaħdem full time bħala kantant. Xi ħaġa li sfortunatament mhux ħafna jirnexxielhom jagħmlu hawn Malta. Min-naħa tagħha, Rianne tħossha fortunata li għandha ommha tissapportja f’dak kollu li tagħmel u qatt ma skoraġġietha minn xejn.

L-ewwel platt: Crispy Duck with Pancakes, Fish Sashimi, Tempura Sushi Rolls, Dragon Maki Roll 

Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom Janvil u Rianne kien hemm ukoll iż-żwieġ. Janvil dalwaqt wasal biex jgħalaq 25 sena miżżewweġ u spjega li meta żżewweġ kien qal lill-mara: “Jew nagħmluh sew, jew ma nagħmlu xejn”. Infatti kienu organizzaw tieġ kbir u raw li kemm jista’ jkun igawduh!

Rianne spjegat li llum il-ġurnata hawn ħafna żgħażagħ li jgħidu li t-tieġ għalihom huwa ħela ta’ flus. Madanakollu hi xorta waħda taħseb li ż-żwieġ huwa xi ħaġa sabiħa. Sostniet li wieħed m’hemmx għalfejn jorganizza tieġ kbir, l-importanti li jkollu miegħu l-aktar persuni importanti għalih.

It-tieni platt: Chicken Chow Mien, Sweet and Sour Pork, Mixed Seafood with Ginger and Spring Onion

Tkellmu wkoll dwar il-Birgu, il-villaġġ fejn kibret Rianne u fejn bħalissa se tkun qed tikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Janvil min-naħa tiegħu għamel 13-il sena jaħdem fil-qasam tax-shipping u allura l-port tal-Birgu kien iżuru ħafna.

Rianne tkellmet dwar ir-responsabbiltà li tħoss sabiex tagħti lura lill-villaġġ fejn kibret u li taha ħafna matul ħajjitha. Min-naħa tiegħu, Javil qal li l-Birgu u Għawdex huma żewġ postijiet li ġenwinament iqanqlu fih emozzjonijiet sbieħ kull meta jżurhom.

Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected]

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com