Kif ghandek tagħżel jekk tgħidx ‘iva’ jew ‘le’

 Kif ghandek tagħżel jekk tgħidx ‘iva’ jew ‘le’

L-aktar ħaġa faċli li tista’ tgħid biex takkuntenta lil dawk ta’ madwarek malli jitolbuk tagħmel xi ħaġa hija iva. Sfortunatament, ħafna minna jbatu minn din il-ħaġa tant li mbagħad jispiċċaw b’muntanja ta’ xogħol u qadi żejjed li ma jistgħux ilaħħqu miegħu.

Ngħiduha kif inhi, ħafna drabi ngħidu iva mhux għax vera rridu nagħmlu dak li jqabbduna, iżda biex ma nidhrux koroh, ma niddiżappuntawx u ma jarawniex bħala arroganti. Li tgħid le jsir aktar diffiċli meta l-persuna li tkun qed titolbok tgħinha hija xi membru tal-familja, ħabib tal-qalb jew kollega fuq ix-xogħol.

Filwaqt li huwa importanti ħafna li ngħinu lil xulxin, huwa daqstant importanti li nitgħallmu ngħidu le, speċjalment meta jkollna wisq affarijiet x’nagħmlu u lanqas biss ikun qed jirnexxielna nlaħħqu magħhom.

Allura għandna nitgħallmu ngħidu iva biss għal dawk l-affarijiet li jew se jgħinunha naslu għal xi għan personali prinċipali, jew li mhux se jfixkluna fit-triq tagħna. Ngħidu iva għal dawk l-affarijiet li għalina jagħmlu sens u li mhux se jqabbduna aktar stress. Intant, dawk l-affarijiet li ma jservuniex għandna ngħidu le, b’mod edukat. Meta nitgħallmu ngħidu “le” inkunu qed inħallu spazju biex ngħidu iva għal opportunitajiet aktar profondi u ideali.

Inti ssib problema tgħid le lil xi ħadd li jitolbok tagħmel xi ħaġa?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com