Liema torti tista’ tiekol nhar il-Ġimgħa l-Kbira?

 Liema torti tista’ tiekol nhar il-Ġimgħa l-Kbira?

Jekk inti wieħed minn dawk li ssum fil-jiem l-aktar importanti ta’ żmien ir-Randan bħal fosthom nhar il-Ġimgħa l-Kbira, jaf diġà qed taħseb f’liema platt l-aktar ideali li ssajjar u li ma jinkludix fih il-laħam.

Tradizzjoni b’saħħitha hawn Malta hija li nagħmlu xi torta delizzjuża u nsiru kreattivi immens ta’ x’nitfgħu fiha! Hawn taħt se ngħidulkom liema huma t-torti l-aktar ideali biex tiekol nhar il-Ġimgħa l-Kbira skond it-tim ta’ Strada Rjali.

1. It-torta tal-lampuki

Din it-torta tinkludi mili magħmul minn taħlita delizzjuża u tradizzjonali ta’ ħut, żebbuġ, kappar, tadam, karrotti, u spinaċi fost ingredjenti oħrajn.

2. It-torta tal-irkotta

Jekk tixtieq tagħmel torta sempliċi, m’hemmx itjeb mit-torta tal-irkotta. L-ingredjenti huma bażiċi: irkotta u bajd, u hawn min jitfagħlha xi ftit piżelli jew żewġ fuliet.

3. It-torta tal-ġbejniet

Għal dawk li jkunu jridu togħma kemm kemm iktar qawwija jistgħu jagħmlu minflok it-torta tal-ġbejniet. Din hija simili għat-torta tal-irkotta u infatti l-bażi tagħha hija rkotta, iżda magħha tħokk jew tqatta’ wkoll erba’ ġbejniet u teskludi l-piżelli u l-ful.

4. It-torta tal-qargħa ħamra

Din it-torta hija ftit inqas tipika mill-oħrajn imma tant tiġi tajba li ma stajnhiex ma nsemmuhielkomx. Il-bażi tal-ingredjenti hawn huma r-ross u l-qargħa ħamra, li magħhom titfa’ wkoll tonn, żebbuġ, kappar, basla u tewma.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com