Siloam – dramm tal-passjoni fis-Sede Azzjoni Kattolika fl-Isla

Dan id-dramm ser isir nhar is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ Marzu 2024, fis-7:30 p.m. fis-Sala tas-Sede Azzjoni Kattolika, l-Isla.

“Iva, twelidt nieqes mid-dawl u minħabba dan l-istess dawl illi ġejt imċaħħad minnu, ġejt imċaħħad ukoll minn ħajja ħielsa, fejn ma tkunx tista’ tagħmel dak kollu li trid, għaliex dejjem ikollok bżonn lil ħaddieħor sabiex timxi ‘l quddiem.”

Din hija l-ġrajja ta’ raġel li sa minn twelidu, kien nieqes mid-dawl. Fil-ħajja tiegħu beda jiltaqa’ ma’ tbatijiet kbar u minħabba dan kollu, hu beda jitlef it-tama f’dawk kollha illi kienu jgħixu madwaru, u l-imħabba tiegħu lejn Alla l-Missier bdiet tintefa’ wara kull jum li hu kien jgħaddi f’din l-istess tbatija. Ħajja mudlama, mwarrab minn kulħadd!

Iżda darba fost l-oħrajn, xi ħadd ma għamilx bħal bosta oħrajn! Ma baqax għaddej minn quddiemu, u ma njorax it-tbatijiet tiegħu! Waqaf u niżel bilqiegħda ħdejh sabiex ikun jista’ jfarrġu. U wara li għamel dan, permezz tat-tajn tal-art, dilek għajnejn l-għami u bagħtu jaħsel wiċċu fil-menqa ta’ Siloam.

“U jiena hekk għamilt! Imxejt waħdi lejn il-menqa ta’ Siloam, għaliex emmint f’dak il-bniedem li ma għamilx bħal ħaddieħor. Ma baqax miexi minn quddiemi, ma warrabnix hekk kif għamlu bosta oħrajn.”

U hekk kif ir-raġel għami għamel dak li talbu, f’għajnejh, għall-ewwel darba feġġ id-dawl. Dan kollu seħħ permezz ta’ Ġesù minn Nazaret. Għal xi wħud illi bdew jaraw dawn l-għeġubijiet iseħħu quddiem għajnejhom, feġġet tama ġdida. Tama li permezz ta’ Ġesù, il-ġejjieni qarib jaf ikun aħjar minn dak iż-żmien li kienu qed jgħixu fih.

Iżda għal oħrajn, it-tagħlim u l-għemil ta’ dan l-istess bniedem bdew iġibu firda bejn il-poplu u t-twemmin reliġjuż li l-istess poplu jħaddan, kif ukoll mibgħeda lejn it-tmexxija tal-istess reliġjon.

Dan u aktar f’ Siloam; dramm għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, b’kitba ta’ Adrian Falzon, li Senglea Drama Group ser itella’ fis-sala tas-Sede Azzjoni Kattolika tal-Isla, nhar is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ Marzu, 2024, fis-7:30pm.

Id-direzzjoni tad-dramm hija ta’ Adrian Falzon u Andrew Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com