Siti f’żoni ta’ żvilupp se jsiru spazji pubbliċi – tneħħew 30 tunnellata ta’ skart goff

 Siti f’żoni ta’ żvilupp se jsiru spazji pubbliċi – tneħħew 30 tunnellata ta’ skart goff

Hekk kif beda x-xogħol biex erba’ siti li kienu mmarkati għal żvilupp jinbidlu fi spazji miftuħa, inġabru 30 tunnellata ta’ skart goff f’tindif li wettqet Project Green

Project Green ġabret xejn anqas minn 30 tunnellata ta’ skart goff minn erba’ siti differenti li qabel kienu allokati għal żvilupp u issa se  jinbidlu fi spazji miftuħa għal kulħadd. Il-materjal li nġabar ivarja minn skart ta’ kostruzzjoni, għal skart tal-plastik u biċċiet tal-għamara fost oħrajn, li ħafna minnhom setgħu faċilment ittieħdu f’ċentri għall-iskart goff jew mormija permezz tas-servizzi offruti mill-Kunsilli Lokali, minflok intremgħu illegalment.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli żaret lill-ħaddiema ta’ Project Green li bħalissa qed ilestu dawn is-siti f’Ħal Lija, Ħal Luqa, Ta’ Ġiorni f’San Ġiljan u Ħal Kirkop, bi preparazzjoni għat-trasformazzjoni ta’ dawn is-siti fi spazji pubbliċi. B’kollox, Project Green se tirriġenera 8,000 metru kwadru t’art f’żoni residenzjali li qabel kienu immarkati għall-iżvilupp.

“Dawn is-siti se jkunu qed joffru spazju mħaddar ġdid ftit passi mid-djar ta’ madwar 7,000 familja. Fuq art fejn il-pjan lokali jippermetti li jinbnew madwar 30 blokka t’appartamenti, se nkunu qed niżviluppaw spazji siguri għan-nies u nħaddruhom b’siġar u pjanti oħra indiġeni. Inħares ’il quddiem biex ix-xogħol ikompli miexi kemm fuq dawn is-siti kif ukoll fuq l-ispazji l-oħra li Project Green qed taħdem fuqhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“L-involviment tal-Kunsilli Lokali u li nifhmu l-ħtiġijiet tal-pubbliku huma ta’ importanza kbira fl-isforzi tagħna,” saħqet il-Perit Beverly Costa. “Aħna impenjati li nittrasformaw dawn is-siti fi spazji pubbliċi li jimxu max-xewqat tal-komunità, filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com