Skema ta’ restawr f’Għawdex li se tinkludi wkoll l-isqaqien

 Skema ta’ restawr f’Għawdex li se tinkludi wkoll l-isqaqien

Tnediet l-iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali u Ċentri Amministrattivi Għawdxin li tippermettilhom jidentifikaw u jipproponu restawr ta’ binjiet żgħar jew monumenti immobbli oħra li jeħtieġu preservazzjoni. Dawn jinkludu fost l-oħrajn statwi, niċeċ u monumenti storiċi oħra, kif ukoll strutturi u siti storiċi oħra, li għandhom valur storiku, arkitettoniku u artistiku.

Dan qed isir biex jintlaħaq il-karattru distint Għawdxi, fejn fil-fatt, din l-iskema qed tinkludi wkoll l-isqaqien.

Din hija amministrata mid-Direttorat Eko-Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u ser tassisti lil dawn l-entitajiet biex iwettqu l-interventi permezz ta’ għotja finanzjarja, sa massimu ta’ 85% tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ dan il-proġett.

F’każijiet fejn l-intervent ser ikun restawr fuq niċeċ, statwi jew monumenti storiċi oħra, l-iskema ser tkopri sa’ massimu ta’ €15,000. Fil-każ fejn ser jiġu riġenerati sqaqien, fejn l-interventi jridu jilħqu diversi kriterji fosthom l-użu ta’ materjal sostenibbli u li jirrispetta l-karattru, kif ukoll miżuri li jħarsu l-ambjent, l-għajnuna titla’ sa massimu ta’ €75,000.

ll-Kunsilli Lokali Għawdxin huma mħeġġa jieħdu din l-opportunità u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom biex ikunu parti minn din il-mixja bil-għan li jsaħħu, jipproteġu u jikkonsolidaw il-wirt tanġibbli li ħallew missirijietna.

L-iskema hija amministrata u esegwita mid-Direttorat Eko-Għawdex mill-fażi inizjali tal-ippjanar sal-ħarsien tal-implimentazzjoni tal-proġett propost. Il-proġetti magħżula għandhom jitwettqu matul iż-żmien li ġej fejn il-massimu permissibbli tal-implimentazzjoni hija s-sena 2026.

Il-Kunsilli Lokali u ċ-Ċentri Amministrattivi li huma eliġibbli għal din l-iskema għandhom sa nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2024 biex jissottomettu l-proposti tagħhom. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com