Skultura ta’ siġġu quddiem ir-Reġina Victoria … Kemm nifhmuha l-arti?
L-iskultura TEMPORANJA ta’ siġġu mill-artist Austin Camilleri quddiem il-monument tar-Reġina Victoria fil-Belt Valletta, kif kien mistenni, qajjem dibattitu sħiħ. Hekk kien ġara wkoll meta l-istess artist kien ħoloq l-iskultura sabiħa ta’ żiemel bi tliet saqajn. Kien fiha ħsieb!
Ħafna ddeskrivew is-siġġu bħala oxxen, loki, ma jixraqx, u li tlifna s-sens ta’ rispett.
Oħrajn faħħruh li fl-aħħar qed inwarrbu fil-ġenb il-kolonjaliżmu.
Imma fil-verità, kemm nifhmua l-arti? L-arti minnha nfisha għandha skop li tqajjem ħsieb. Mhix qiegħda hemm biss biex ngħidu ‘xi ġmiel’. Qiegħda hemm biex iġġiegħelna naħsbu b’moħħna, niżnu, nifhmu u noħolqu l-idea tagħna ta’ viżjoni futura mħallta mal-istorja passata.
Forsi huwa minnu, li aħna l-Maltin għadna marbutin ħafna mal-Barokk li l-estetika tiegħu tpaxxi l-għajn. Ma hemm xejn ħażin f’hekk. Anzi. Il-Barokk huwa ġmiel eċċezzjonali.
Imma jibqa’ l-fatt lia ma nistgħux nistgħaġnaw u ma nħallux l-artisti tagħna jaħsbu u jippreżentaw l-arti tagħhom, anke meta din hija TEMPORANJA. Irridu nibdew inħaddmu moħħna, mhux neħlu mal-kritika biss.
Din l-arti u oħrajn simili li qed taraw fil-Belt Valletta huma parti mill-Malta Biennale li qed tittella’ għall-ewwel darba li tiġi fi tmiemha fil-31 ta’ Mejju 2024.