X’għandek tkun taf qabel tagħti d-demm?
L-għoti tad-demm huwa ġest sabiħ ħafna u importanti. Jitqies bħala rigal. Isalva l-ħajjiet.
L-ewwelnett huwa importanti li miegħek tieħu l-karta tal-identità u jrid ikollok bejn 17 u 65 sena. Dawk ta’ 17 -il sena jrid ikollhom permess mill-ġenituri jew minn min jieħu ħsiebhom.
Trid tkun tiżen minn 50 kilo ‘il fuq u tkun b’saħħtek mingħajr problemi ta’ saħħa oħra.
In-nisa jistgħu jagħtu d-demm kull 4 xhur. L-irġiel, kull 3 xhur.
Persuni ma jifilħux, għandhom jastjenu milli jagħtu d-demm sakemm jirkupraw. Importanti wkoll li tilbsu lbies komdu u tevitaw ħwejjeġ issikkati.
Qatt m’għandek tagħti d-demm fuq stonku vojt. Kolazzjon tajjeb huwa importanti imma evitaw ikel li fih ħafna żjur bħal pizza.
Jekk inti omm li għadek kif wellidt tarbija, ħalli 6 xhur qabel tagħti d-demm. Dawn in-nisa li jreddgħu jridu jħallu 3 xhur qabel ikunu jistgħu jagħtu d-demm.
Jekk għamilt tattoo jew piercing, ħalli mqar 4 xhur qabel tagħti d-demm.
Min se jagħmel xi eżamijiet akkademiċi, huwa importanti li jħalli kollox jgħaddi l-ewwel qabel jagħmel donazzjoni.
Huwa wkoll issuġerut, li ma tagħtux demm wara xift ta’ billejl.
Li tagħti, huwa dejjem sabiħ. Inħeġġukom tagħmlu dan mill-qalb. Aktar informazzjoni fuq https://healthservices.gov.mt/