X’tippreferi: kelb jew qattus?
Fost l-animal lovers se ssib dawk li jippreferu l-klieb u dawk li jippreferu l-qtates. Meta dawn jiltaqgħu tarahom jidħlu f’diskussjoni ta’ liema pet huwa l-aħjar, jagħtik l-aktar imħabba, jagħtik l-inqas xogħol u diversi suġġetti oħrajn.
Jekk inti għadek ma tafx jekk tagħmilx man-naħa tal-klieb jew inkella tal-qtates, f’dan l-artiklu se nippruvaw ngħidulkom ftit punti taż-żewġ tipi ta’ furry friends biex forsi ngħinukom taslu għal konklużjoni.
Il-qtates
- Huma kkunsidrati bħala kreaturi indipendenti u li kapaċi joqgħodu għal perjodi itwal waħedhom.
- Huwa aktar faċli li jkollok qattus jekk tgħix f’dar żgħira jew f’appartament.
- Huma annimali low maintenance u ma jridux attenzjoni kontinwa.
- Madanakollu, huma t-tip li jħobbu l-fsied u li jfittxuk biex jitmellsu miegħek jew jorqdu fuq ħoġrok.
- M’għandekx bżonn toħroġhom biex jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom iżda dan ifisser li jrid ikollok litter box u li trid tnaddafha frekwentament.
- Ġeneralment huma annimali kwieti, madanakollu ġieli ssib xi wieħed li jqajmek biex ittih tiekol jew li jħobb jitkellem!
- Jgħixu ħajja itwal mill-klieb.
- Għandhom ħabta jigirfu l-għamara jekk ma tipprovdix biżżejjed scratching posts fid-dar.
- Furry friends ifisser li se jaqgħalhom is-suf ukoll, jiġifieri trid tlesti ruħek.
- Ikollhom ukoll mumenti inqas pjaċevoli bħal meta jirremettu xi naqra hairball.
Il-klieb
- Kapaċi joffru imħabba bla limitu u huma leali ħafna.
- Iħobbu jilgħabu ta’ kuljum.
- F’ambjenti soċjali jgħinuk tavviċina n-nies u tibda amiċizzji ġodda.
- Il-mixja li jridu jagħmlu ta’ kuljum tgħinek iżżomm lilek innifsek attiv.
- Jipproteġu lilek u lil darek.
- Iħobbu l-fsied, speċjalment meta jaraw li wasal il-ħin biex tirrilassa.
- Trid tiddedika ħin għalihom kemm biex toħroġhom jimxu, kif ukoll biex tilgħab magħhom.
- Trid ħafna iktar żmien biex tgħallimhom jagħmlu xi ħaġa, jiġifieri jrid ikollok il-paċenzja u tkun konsistenti.
- Għandhom bżonn aktar spazju fejn jgħixu u idealment aċċess għal xi bitħa.
- Il-klieb kapaċi jkunu aktar storbjużi.
- Meta se ssiefer mingħajrhom trid tara ssibx lil xi ħadd li ta’ kuljum joħroġhom u joqgħod ammont ta’ ħin magħhom.
- Biex tieħu ħsiebhom trid tinvesti aktar flus.