Bil-filmat: “Aħna lkoll bnedmin”…il-filmat li seraq il-qlub ta’ eluf ta’ Maltin

 Bil-filmat: “Aħna lkoll bnedmin”…il-filmat li seraq il-qlub ta’ eluf ta’ Maltin

Dr Nicholas Briffa, Psikologu u Sesswologu lokali qasam filmat fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu li seraq il-qlub ta’ eluf ta’ Maltin. Dan il-filmat saħansitra qabeż in-nofs miljun viżwalizzazzjoni. Imma għaliex kien daqshekk ta’ suċċess?

Il-filmat li hu biss twil 14-il sekonda juri tliet see-saw’s li ġew installati fil-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti. Fuq naħa jidhru tfal fil-Messiku, u fuq in-naħa l-oħra, persuni mill-Istati Uniti, li qed jinterraġġixxu flimkien permezz ta’ logħba magħrufa.

Dr Briffa qal li ltaqa’ ma’ din l-istorja fuq stazzjon televiżiv fejn ġiet diskussa r-realtà diffiċli li hemm fil-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti.

Kiteb: “it-tqegħid ta’ tlett see-saws roża tul il-ħajt tal-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku mid-ditta ta’ Periti Rael San Fratello jissimbolizzaw intervent ta’ kuraġġ u kreattività, li jmorru lil hinn mill-firdiet fiżiċi u politiċi biex jippromwovu konnessjoni, għaqda u umanità.”

Dan il-proġett qed iqajjem kuxjenza dwar ir-rabta simbolika bejn komunitajiet separati, permezz ta’ see-saws, li jirrappreżentaw l-innoċenza u l-logħob tat-tfulija, azzjoni li tgħaqqad il-bnedmin. Dan jikkuntrasta mal-fatt li l-ħajt qiegħed hemm biex jagħmel eżatt l-oppost: jifred u jżomm il-popolazzjonijiet tal-Istati Uniti u tal-Messiku separati. Dr Briffa qal li “d-disinn jisfida l-perċezzjonijiet ta’ diviżjoni u differenza, u jħeġġeġ lill-individwi miż-żewġ naħat biex jieħdu sehem f’mumenti spontanji ta’ ferħ u logħob.”

Kompla jgħid kif “l-installazzjoni toffri kummentarju li jqanqal il-ħsieb dwar il-kumplessitajiet tal-politika tal-fruntieri. Rikonoxxut bħala id-disinn tas-Sena, il-Ħajt Teeter-Totter huwa xhieda tal-qawwa trasformattiva ta’ disinn li jispira empatija u jqajjem sens ta’ ġustizzja soċjali fuq kwistjonijiet globali.”

Temm il-messaġġ tiegħu billi qal: “Ġej minn fejn ġej – aħna ilkoll bnedmin!”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com