Bil-filmat – Bejn Ġenna u Infern

 Bil-filmat – Bejn Ġenna u Infern

Matul dan il-weekend li ġej, l-Għaqda 8 ta’ Mejju ta’ Marsaxlokk ser ittella’ produzzjoni oriġinali fuq il-palk tas-sala tal-iskola primarja tal-istess lokalità. Din l-għaqda ilha għal dawn l-aħħar snin ittella’ produzzjonijiet teatrali bil-għan li tgħaqqad aktar il-komunità lokali, tagħti opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ kif ukoll tqarreb lin-nies lejn l-arti teatrali u l-palk. Sena war’oħra l-pubbliku jkun qiegħed jistenna bil-ħerqa l-kummiedja li jkun imiss, u din is-sena b’mod speċjali, minħabba li din ser tirritorna wara nuqqas ta’ ħames snin (primarjament minħabba l-pandemija). Din ser tkun is-sitt kummiedja mużikali li ser ittella’ din l-għaqda.

Bejn Ġenna u Infern ser tieħu lill-udjenza fil-Ġnien tal-Eden, fejn f’għodwa pjuttost normali, grupp ta’ qaddisin jidħlu fi problema mhux mistennija u jkollhom jaraw kif ser isolvuha malajr! Għalkemm hija difficli għall-qaddisin infushom, donnu li ser ikollhom jieħdu l-inkarigu li jinżlu l-Infern sabiex jippruvaw jikkonvinċu l-Imperatriċi tal-Infern biex tagħlaq għajn waħda… jew tnejn! L-Imperatriċi però, mhux talli ma tgħinhomx, talli hi tagħmel il-pjanijiet differenti tagħha u taqfilhom fiċ-ċelel mudlama tal-Infern, fejn ma jkunu jistgħu jaħarbu qatt. Is-sitwazzjonijiet differenti li jiltaqgħu magħhom il-qaddisin, ix-xjaten u l-erwieħ ser ipoġġuhom f’mumenti komiċi li żgur ser inisslu tbissima fuq wiċċ l-udtjenza. Fost il-kant u ż-żfin, wieħed mill-karattri ser jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jkun ilu ma jara żmien twil, u minn hemm l-istorja ser tieħu żvolta ġdida. Tgħid il-big boss ser japprova dan kollu?!

Jekk tridu tkunu tafu kif jispiċċa kollox, inħeġġukom tmorru taraw din il-kummiedja mużikali bl-isem ta’ Bejn Ġenna u Infern. Din ser tittella’ għada l-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 t’April fis-sala tal-iskola primarja ta’ Marsaxlokk u tibda fis-7pm. L-aħħar performance ssir il-Ħadd 21 t’April fl-4pm.

Għal aktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw l-Għaqda 8 ta’ Mejju fuq 7965 5684. Il-prezz tal-biljetti huwa €15 għall-adulti u €10 għat-tfal u l-qligħ imur kollu b’risq il-ħidma li din l-Għaqda tagħmel għall-festa tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk.

Din il-produzzjoni qed tittella’ mill-voluntiera fi ħdan l-Għaqda 8 ta’ Mejju, fuq kitba u direzzjoni ta’ Robert Busuttil u korjografija ta’ Aqua Blu Dancers.

Jekk għandek xi produzzjonijiet pjanati ikkuntattjana fuq [email protected]

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com