Dak kollu li għandek tkun taf qabel tagħżel Childcare Centre

 Dak kollu li għandek tkun taf qabel tagħżel Childcare Centre

Waħda mill-iżjed deċiżjonijiet diffiċli u importanti għall-ġenituri, speċjalment meta jkunu tal-ewwel darba, hija l-għażla ta’ childcare centre għall-wild tagħhom. Mhux faċli tasal għad-deċiżjoni fejn ser tħalli l-iżjed kreatura prezzjuża f’ħajtek, partikolarment jekk ma’ xi ħadd li ma tafx. Għalhekk huwa importanti li l-ġenituri iżommu f’moħħom ċertu punti meta jkunu waslu għal din l-għażla biex iserrħu moħħhom li fiċ-ċentru li jagħżlu, it-tfal tagħhom se jingħataw l-aħjar kura matul il-ħin li ser ikunu qed iqattgħu hemm.

Illum il-ġurnata, is-servizz tal-edukazzjoni u kura bikrija għat-tfal bejn it-3 xhur u 3 snin m’għadux jitqies bħala servizz ta’ sempliċi ‘babysitting’. Studji juru li tfal li jesperjenzaw kwalità għolja ta’ kura ġo childcare centre jiżviluppaw ħiliet soċjali u emozzjonali, jitgħallmu jesprimu ruħhom aħjar, jitgħallmu jkunu indipendenti, u jkunu ppreparati aktar biex eventwalment imorru aħjar fl-iskola.

Jekk inti ġenitur li qed tikkunsidra tagħmel din l-għażla għat-tifla jew it-tifel tiegħek, Lorraine Spiteri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gigi and Friends Childcare Centres, qed taqsam magħna diversi punti li jistgħu jgħinuk tagħmel l-ghażla ideali għalik u għat-tfal tiegħek.

  1. Itlob appuntament mas-Centre Manager ħalli tkun tista’ iżżur iċ-ċentru u jkollok ċans tiddiskuti u tistaqsi l-mistoqsijiet tiegħek.
  2. Kun ippreparat b’lista ta’ mistoqsijiet u ċċekkja l-websajt taċ-ċentru ħalli jkollok diġà ċertu għarfien dawr iċ-ċentru.
  3. Staqsi x’inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq taċ-ċentru u jekk ikunx hemm xi ġranet ta’ festi li ċ-ċentru jgħalaq għalihom matul is-sena.
  4. Ara li l-lokalità u l-aċċess taċ-ċentru huma ideali għalik.
  5. Staqsi fuq dak li jaf tintalab tħallas. Ċentri li joffru l-iskema tal-Free Childcare Scheme jistgħu jitolbuk registration fee darba biss fil-bidu. Dur sew il-lokalitajiet għax hawn ċentri li ma jitolbu l-ebda miżati. Mhux suppost tiġi mitluba ħlasijiet oħra.
  6. Informa ruħek dwar il-Free Childcare Scheme biex tuża s-sigħat sewwa kull xahar, mingħajr ma taqbeż is-sigħat li huma allokati għal meta t-tfal ikollhom bżonn ifallu minħabba mard.
  7. Jekk inti ġenitur li ma tistax tapplika għall-Free Childcare Scheme, tista’ tistaqsi għal servizz bi ħlas.
  8. Meta żżur iċ-ċentru, osserva kif il-carers jirrelataw mat-tfal u kif inhi l-attitudni tagħhom mat-tfal u ma’ Osserva l-manjieri tagħhom u kemm huma professjonali.
  9. Staqsi lill-maniġer fuq il-kwalifiki tal-carers u fuq kemm ikun hemm carers mal-għadd ta’ tfal fil-kura tagħhom.
  10. Staqsi fuq ir-rutina tal-ġurnata. L-attivitajiet huma kollha pjanati jew it-tfal jitħallew jilgħabu kif ikunu jixtiequ?
  11. Kif inhi l-area fejn it-tfal jilgħabu fuq barra?
  12. Kif inhi s-sigurtà fiċ-ċentru? Hemm sistema ta’ kif u min jiġbor it-tfal?
  13. Staqsi fuq il-policies u l-proċeduri taċ-ċentru fejn hemm dettalji ta’ x’jiġri f’ċertu sitwazzjonijiet, per eżempju, meta’ jkun hemm xi tfal morda, kif jiġu kkoreġuti t-tfal, fuq ikel bnin, ‘potty-training’, eċċ.
  14. X’tip ta’ pedagoġija tiġi segwita miċ-ċentru?
  15. Isiru parent days jew open days għall-ġenituri?
  16. Ħassejtek milqugħ/a? Ħassejt li hemm indafa u li l-post kien miżmum tajjeb?
  17. Tħoss li t-tifel/tifla tiegħek ħa jaraw iċ-ċentru bħala post ta’ pjaċir? Ħa jkunu inkoraġġuti biex jistimolaw il-kurżità tagħhom bil-logħob li ħa jilgħabu?
  18. Kif ser tkun taf kif it-tfal qed iqattgħu l-ħin tagħhom ġoċ-ċentru matul il-ġurnata?
  19. X’jiġri meta’ jiġu biex jitilqu ta’ tlett snin? Kif jiġu ppreparati t-tfal li jaslu għal kinder?
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com