“Dejjem immaġinajt se jkolli date ma’ mara sabiħa imma ma’ Keith Demicoli qatt”
Il-sitt episodju ta’ VIP Date ta’ Stradarjali laqqa’ lill-personalità televiżiva magħruf Keith Demicoli u d-DJ lokali Ruby.
Huma ltaqgħu fir-restorant Bottegin Palazzo Xara, kielu varjetà ta’ ikel bnin filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.
Starters: Il-Każin mal-Ħbieb (speċjalitajiet tradizzjonali Maltin) u Crispy Local Ġbejna with tomato soffritto & rucola
Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom Keith u Ruby kien hemm l-isport. Keith qal li hu l-isport għal qalbu ħafna u insista li ma jgħix mingħajru. Anke l-karriera tiegħu fil-ġurnaliżmu bdiet proprju mill-isport. L-ewwel xogħol tiegħu fis-settur kien dak ta’ korrispondent tal-Waterpolo meta kellu madwar 16-il sena. Ix-xewqa tiegħu kienet li jkun ġurnalist tal-isport full-time, madanakollu qal li xi ħaġa tat-tip hija impossibli hawn Malta.
Meta sema’ l-kelma impossibblu, Ruby qal li minkejja kien hemm min qallu li huwa impossibli li jikseb suċċess barra minn Malta fil-mużika. Qal li wara 27 sena jdoqq, ġie skopert minn persuni barra minn Malta, l-ewwel bdew jisimgħuh, imbagħad bdew jagħtuh diversi xogħol f’pajjiżi madwar id-dinja. Qal li ma trid taqta’ qalbek qatt, anke jekk xi ħaġa hija impossibbli li ssir f’Malta.
Main Course: Fenek tradizzjonali Malti fil-gravy biċ-chips u Braġjoli
Komplew billi ddiskutew is-suġġett tal-irtirar. Ruby qal li xogħlu mhux xogħol imma passjoni u allura anke jekk ma jitħallasx jagħmlu. Insista li hu, żgur mhux se jirtira, sakemm jibqa’ jisma’ jibqa’ jagħmel dan ix-xogħol. Min-naħa l-oħra, Keith qal li hu jaħseb ta’ kuljum fuq meta se jirtira. Spjega li meta hu ġie biex jiddeċiedi biex jitlaq mill-aħbarijiet u jibda jagħmel xogħol għal rasu, għamel dan għax qal li ma kienx jimmaġina li jibqa’ ġurnalist jaqra l-aħbarijiet sa ma jgħalaq 60 sena.
Deżerta: Mqaret u Amaretto
Wieħed mill-aħħar suġġetti li tkellmu dwaru kien propju jekk jiħdux ġranet ta’ rilassament fejn ma jaħdmux. Ruby qal li hu jkun irid jibqa’ għaddej u li l-ħajja tiegħu ma tippermettilux ħafna ġranet off. Spjega kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iżur Chicago, Barċellona, Madrid, Milan, Buenos Aires, il-Brażil, l-Ungerija u s-Sri Lanka. Ħajtu dejjem “on the go”. Madanakollu rrimarka li minħabba li jsiefer ħafna barra mill-Ewropa, jkun hemm punti fejn iħoss xi ftit solitudni.
Min-naħa tiegħu, Keith qal li kemm jista’ jkun jipprova jara li jkollu ġurnata off fil-ġimgħa, partikolarment jew is-Sibt, jew il-Ħadd. Hekk kif l-iskeda tax-xogħol ifassalha hu, iħoss li għandu ċans jieħu ftit ħin ta’ mistrieħ.
Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].