Eddie Fenech Adami u Duminku Mintoff jibqgħu ikoni għall-poplu Malti
Il-personalitajiet politiċi ta’ Eddie Fenech Adami u Duminku Mintoff jibqgħu ikoni kbar fl-istorja politika Maltija.
Dan anke narawh meta membri tal-partiti jfaħħru liż-żewġ mexxejja avolja jkollhom prinċipji differenti, imma jaqblu fuq il-ġid li twettaq f’pajjiżna minn dawn iż-żewġ ġganti politiċi.
Bħal-lum 11 t’April tal-1977, Dr Eddie Fenech Adami ta’ 43 sena li kien ġie elett bħala Kap Suċċessur fis-16 ta’ Jannar 1977, ħa l-ħatra ta’ Kap tal-Opożizzjoni fil-Kamra tad-Deputati. Il-ħatra tiegħu kienet l-ewwel waħda fl-istorja politika Maltija li saret wara l-bidu ta’ leġislatura. Filgħaxija attenda seduta tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li tiegħu issa kien sar il-Kap.
Il-Ħatra ta’ Dr Fenech Adami saret wara r-riżenja ta’ Dott Giorgio Borg Olivier minn kap tal-PN, kariga li kien ilu jokkupa sa mill-1950.
F’messaġġ, Dr Borg Olivier qal li ħadem mill-aħjar li seta sabiex iservi lill-eletturi u lill-poplu fl-aħjar interess tal-pajjiż.