“Ħa jibda jigdem in-nemus jekk Alla jrid!” X’tista’ tagħmel?
Il-gdim tan-nemus fis-sajf huwa l-għadu ta’ kulħadd. Toħroġ naqra filgħaxija u tidħol lura b’xi erba’ gidmiet. Jew inkella tkun rieqed raqda tajba u tqum filgħodu b’xi żewġ gidmiet fuq idek, jew saqajk!
Minflok tħokk u tħokk sakemm tigref il-gidma u tirriskja li tispiċċa toħroġ id-demm, se ngħidulkom x’tistgħu tagħmlu biex tnaqqsu l-irritazzjoni ta’ gidma ta’ nemusa.
Filwaqt li tista’ tagħmel użu minn kremi mediċinali, hemm metodu ieħor li tista’ tagħmel biex ittaffi l-irritazzjoni: tuża s-sħana. Infatti diversi persuni fuq TikTok qed jgħidu li jnaqqsu l-irritazzjoni billi jużaw mug, kuċċarina u ftit ilma.
- Ibda billi ssaħħan ftit ilma fil-microwave.
- Itfa’ l-kuċċarina fl-ilma sħun għal 30 sekonda.
- Imbagħad aqbad il-kuċċarina u għafasha fuq il-gidma tan-nemusa.
- Oqgħod attent li ma taħraqx lilek inniffsek! Jekk il-kuċċarina tkun taħraq ħafna, teptipha fuq il-gidma tan-nemusa sakemm jirnexxielek tittollera s-sħana li ħierġa minnha.
- Żomm il-kuċċarina fuq il-gidma tan-nemusa għal kemm jista’ jkun ħin.
Matul il-ħin li tkun qed iżżomm il-kuċċarina sħuna fuq il-gidma, is-sħana toqtol l-enżimi li joħolqu l-irritazzjoni u jgħinuk sabiex tnaqqasha jew teliminaha għal kollox.