Il-Ħadd filgħodu għand in-nanna, kien sinonimu mal-għana fuq ir-radju …

 Il-Ħadd filgħodu għand in-nanna, kien sinonimu mal-għana fuq ir-radju …

L-għana hi l-mużika tradizzjonali ta’ Malta. Il-versi li jitkantaw fl-għana għandhom melodija li tistħajjilha ballata Sqallija b’laqta medjo-orjentali. Infatti l-għana tista’ titqies bħala l-eku tal-passat storiku ta’ Malta li jinkludi ħafna influwenzi Għarab u Ewropej, grazzi għad-diversi ħakkiema li ħakmu lil Malta u l-Maltin.

L-għana minn dejjem kienet ikkunsidrata bħala l-mużika tan-nies komuni, tal-bdiewa, tar-raħħala u tan-nisa tad-dar; f’kelma waħda, l-għana kien jappartjeni lill-klassi l-baxxa tal-ħaddiema. Mhux talli hekk, talli l-għana fuq stil ta’ ballata, kien jintuża min-nisa biex jinku wkoll lill-ġara tagħhom waqt li jkunu fuq il-bejt. Mod ħelu li llum narawh bħala storja imma qabel, kellu saħħa kbira.

Forsi huwa propju għal dawn l-assoċjazzjonijiet, li l-għana llum f’Malta għad għandu ċerta stmerrija u jiġi mwarrab minn bosta nies. Mill-banda l-oħra, irridu ngħidu li hawn ħafna jħobbuha u hekk għandu jkun, għaliex dan huwa wirt intanġibbli ta’ pajjiżna. Fortunatament, issib anke żgħażagħ fis-soċjetà preżenti li jgħannu u huma midħla sew fix-xena.

Dan huwa wkoll don, għaliex mhux kulħadd kapaċi joħloq versi jirrimaw spirtu pront.

F’Diċembru li għadda tħabbar li l-Għana Maltija daħlet fil-lista tal-wirt intanġibbli tal-UNESCO. Bla dubju, dan huwa rikonoxximent prestiġġjuż u ħadd iżjed minna stess, ma nistgħu nfaħħruh u nkunu kburin bih.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com