“Il-midja soċjali mhix sikura biżżejjed għat-tfal”…pariri għall-ġenituri
Mhux l-ewwel darba li tisma’ persuni, fosthom ġenituri, jgħidu li ma jħossux li l-midja soċjali hija sikura biżżejjed għat-tfal. Infatti, dawk kollha li jagħmlu użu mil-midja soċjali jindunaw li ta’ kuljum jidħlu messaġġi, ritratti, u posts differenti li jista’ jkun jaffettwaw lit-tfal b’mod ħażin, speċjalment jekk jistħu u ma jitkellmux dwar dak li raw jew qraw.
Nafu kemm hawn persuni li minn wara t-tastiera jaħsbu li jistgħu jgħidu li jridu. Allura meta jużaw il-midja soċjali, it-tfal jistgħu jidħlu f’riskju minħabba ipersensittività għal kummenti soċjali, nuqqas ta’ kontroll tal-impuls, u espożizzjoni għal kontenut li jista’ jagħmel il-ħsara. Apparti minn hekk, il-midja soċjali nħolqot biex tintuża prinċipalment minn adulti. Iżda minkejja l-limiti fuq l-età huma mijiet, biex ma ngħidux eluf ta’ tfal li xorta waħda jispiċċaw fuq il-midja soċjali.
Riċerka li saret minn psikologi fl-Amerka tissuġġerixxi li l-ġenituri għandhom jagħmlu dawn l-affarijiet sabiex jipproteġu lit-tfal tagħhom mil-midja soċjali:
- Jekk għandek bżonn tipprovdi lit-tfal b’mowbajl biex tikkomunika magħhom, ixtrilhom wieħed li m’għandux aċċess għall-internet.
- Meta t-tfal tiegħek joħolqu profili fuq il-midja soċjali, ftakar li r-regoli tiddeċidihom inti, jiġifieri minn fejn se jaċċessaw il-profili (mowbajl, laptop, tablet, eċċ) u idealment ikollok ukoll viżibilità ta’ x’qed jagħmlu onlajn.
- Organizza attivitajiet mat-tfal tiegħek li ma jinkludux l-użu tal-mowbajl u teknoloġiji oħrajn.
- Oħloq limiti fuq il-ħin li jdumu fuq il-midja soċjali, per eżempju, mhux aktar minn siegħa kuljum. Illimita wkoll il-perjodu tal-ġurnata, per eżempju tiddeċiedi li l-aħjar ħin għalihom li jaċċessaw il-midja soċjali huwa waranofsinhar.
- Aħbi l-mowbajl, tablets u laptops għal matul il-lejl, sabiex tassigura ruħek li t-tfal qed jorqdu s-sigħat li hemm bżonn.