Il-Mosta dejjem popolari – Reġjun Tramuntana

 Il-Mosta dejjem popolari – Reġjun Tramuntana

Il-Mosta kienet abitata minn żmien il-pre-istorja. Fil-fatt, fil-limiti tal-mosta nsibu dolmens – ġebel mimdud u cart ruts huma evidenza primarja ta’ dan. Fi żmien il-Medju Evu, il-Mosta kienet hamlet żgħir fost ħafna oħra li kienu bi ftit nies. Dawn l-irħula kienu; Raħal Calleja, Raħal Ħobla, Raħal Pessa jew Pise, Raħal Sir, Raħal Kirċipull, Raħal Barbar u Raħal Dimech.

Fis-seklu 16, dawn naqqsu mill-importanza tagħhom u ffurmat il-Mosta bħala villaġġ prinċipali. Fil-viżta Appostolika tal-Monsinjur Pietro Dusina fl-1575, indika li kien hemm ġa knisja ddedikata lill-Assunta u kien hemm mal-580 persuna jgħixu f’dan il-villaġġ.

Maż-żmien, il-Mosta kibret u saret kif nafuha llum. Iż-żoni moderni jinkludu Santa Margerita, Tal-Blata l-Għolja, Iż-Żokrija, Is-Sgħajtar u Ta’ Mlit. Il-Mosta huwa wkoll ċentru kummerċjali u turistiku li bla dubju, bil-Bażilika u l-istorja tagħha marbuta mt-Tieni Gwerra Dinjija, tiġbed eluf ta’ turisti kull sena.

F’dan il-lokal jiġu ċċelebrati l-festi liturġiċi kollha bil-festa titulari tkun Santa Marija fil-15 t’Awissu. Mhux b’inqas, il-Ġimgħa Mqaddsa b’sett vari mill-isbaħ u b’monument rikk li din is-sena għalaq il-100 sena minn meta sar.

Leġġenda popolari marbuta mal-Mosta hija dik tal-Għarusa tal-Mosta fejn hemm ukoll il-ġnien imsemmi għaliha.

Fil-Mosta nsibu wkoll l-iscouts u l-girl guides, żewġ baned: Nicolo’ Isouard u Santa Marija u żewġ għaqdiet tan-nar: Santa Marija u l-15 t’Awissu. Insibu wkoll għaqda tal-palk bl-isem ta’ The Drama Group Mosta. L-oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù wkoll huwa memorja għal ħafna nies li fi tfulithom kienu jattendu fih għat-tagħlim nisrani u attivitajiet oħra.

Riċentament sar investiment kbir mill-Kunsill Lokali fejn ġiet trasformata l-pjazza tal-Mosta u ngħatat iżjed l-importanza ta’ spazju miftuħ u pedonali.

Attrazzjoni oħra ħelwa fil-Mosta hija dik tar-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone li jinsab biswit l-iskola magħrufa l-iżjed bl-isem ta’ Lily of the Valley. Dan ir-razzett huwa ċentru artistiku u kulturali b’esebizzjoni għaddejjin fuq bażi kontinwa.

Insibu wkoll widien fosthom Wied il-Għasel, kappelli, monumenti u ġonna mill-isbaħ. Il-Mosta tifforma parti mir-Reġjun Tramuntana.

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta huwa magħmul mis-Sindku; il-Perit Chris Grech, il-viċi Sindku Rachel Abela u l-Kunsilliera Keith Cassar, Frans Deguara, Dr Angele Rapa, Joseph Gatt, Aiken Zerafa, Maria Pia Bonnici, Marvic Camilleri, Danny Farrugia, George Borg, Anna Galea u Jesmond Gauci.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com