It-tfal u ż-żgħażagħ għadhom imorru l-Knisja? X’qed inaqsilha l-popolarità?
Tant sirna mħabbtin, li forsi l-knisja jew aħjar, il-quddies, sirna narawha żejda. Iżjed minn hekk, twieldet ukoll l-idea li biex tkun viċin Alla, ma hemmx bżonn tmur il-quddies. Minkejja li dan huwa fatt, ir-reliġjon Kattolika titlob li s-segwaċi tagħha, jattendu għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies imqar darba f’ġimgħa, bil-jum tal-Ħadd li jitqies l-iżjed importanti.
Forsi drajna nagħżlu bejn dak li hu cool jew le, jew bżonn u mhux. Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, li taħdem iżjed u iżjed u tipprova tlaħħaq ma’ kollox, sar bħal donnu hu l-bżonn.
Fis-soċjetà tal-lum inbidlu l-ħsibijiet. Il-midja soċjali jew aħjar u iżjed korrett, l-internet, fetaħ id-dinja għal kulħadd u ġejna iżjed konxji fuq kollox u fuq kull suġġett. Jiddependi kif taraha. Tgħallimna iżjed u naqqasna minn dak li jitqies ta’ valur?
Dan il-fatt li forsi n-nies qed inaqqsu milli jattendu l-quddies jista’ jintrabat ukoll mal-fatt li minħabba xi skandli internazzjonali fil-Knisja, din naqqset mill-popolarità tagħha. Imma mhux kulħadd jaraha l-istess. Hemm min jispjega li rridu niftakru li l-knisja hija magħmulha min-nies bħalna, allura huma suġġetti għall-iżbalji wkoll.
Jiġri spiss ukoll, li biex persuna tmur il-quddies, trid tkun okkażjoni speċjali bħal funeral, tieġ jew il-festa tar-raħal.
Ninsew ħafna l-fatt, li meta nkunu xi ftit f’waqtiet turbulenti f’ħajjitna, nemmnu jew ma nemmnux, nitkellmu ħażin jew le, cool jew mhix, induru lejn Alla. Allura lil Alla għamilnieh part time?
Mitt bniedem, mitt fehma. Ħsibijiet u opinjonijiet differenti. Imma intom x’taħsbu dwar dan kollu?