“Kieku hawn Nate u Frank x’jgħidulek!!” – Claudette lil Valentina waqt il-VIP Date
Is-sebgħa episodju ta’ VIP Date ta’ Stradarjali laqqa’ lill-preżentatriċi tar-radju magħrufa Valentina Rossi u l-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg.
Huma ltaqgħu fir-restorant Tal-Puzzu fil-Mellieħa, kielu varjetà ta’ ikel bnin filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.
Starter: Truffle Chorizo Pizza flimkien ma’ Passion Fruit Frozen Daiquiri u Pina Colada
Bejn gidma pizza u oħra bdew jitkellmu dwar ir-riskju. Claudette qalet li hi t-tip ta’ persuna li tieħu riskji kkalkulati għax temmen li tipprova affarijiet differenti hija xi ħaġa sabiħa. Semmiet li l-motto tagħha f’ħajjitha huwa: “I might if I try, I won’t if I don’t”. Min-naħa tagħha, Valentina qalet li hi tieħu riskji pero mhux f’kollox. Spjegat li f’affarijiet bħall-flus, mhux dejjem faċli li wieħed jieħu riskju.
Il-konverżazzjoni mxiet għall-insetti. Filwaqt li Claudette stqarret li hi mhix xi waħda li tibża’ mill-insetti, Valentina rrakkuntat kif hi tħobb tiekol l-insetti! Infatti, fit-tieġ tagħha kellha mejda cupcakes kollha ddekorati b’insetti nexfin. Din il-ħaġa tant hija differenti min dak li s-soltu ssib f’tiġijiet, li ħafna mill-mistiedna tagħha ħasbu li l-insetti kienu karawett! Claudette spjegat li hi kielet affarijiet strambi bħall-kukkudrill, żrinġijiet, kangaru u emu, iżda l-insetti qatt ma ħajjruha.
Main Course: Special Puzzu Burger u Spare Ribs in Jack Daniel’s Sauce
Fost is-suġġetti tkellmu wkoll dwar dawk l-”oops moments” li kulħadd jesperjenza f’xi punt jew ieħor ta’ ħajtu. Valentina rrakkuntat kif meta kellha tippreżenta l-punti li tat Malta fil-Eurovision, waqt ir-rehearsals kellha problemi fl-istonku u ħarbet ħarba sal-kamra l-baxxa…mingħajr ma rrealizzat li kulħadd kien qed jismagħha!
Intant, Claudette spjegat li meta kienet aġent speaker, u Kevin Cutajar kien se jieħu ġurament, kienu qalulha wkoll li eks-membru parlamentari kien miet. Hi tgerfxet u minflok tat il-kondoljanzi lill-familja ta’ Kevin Cutajar li dlonk qalilha “qed tgħaxxaqha Claudette, jien għadni kollni għomor”.
Id-date tagħhom ma kinitx se tispiċċa mingħajr il-mistoqsija li Valentina dejjem xtaqet tistaqsi lil Claudette: “Għidili dwar l-esperjenza tiegħek fil-Eurovision!” Claudette spjegat kif meta Philip Vella u Gerard James Borg kitbulha Desire, ma kinux semmgħuha l-parti bil-Malti qabel ma marret tirrekordja d-diska. Dan sabiex ma taħrabiliex xi kelma qabel iż-żmien.
Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].