Kollu ħtija t’Elvis Presley
Kollu ħtija ta’ Elvis Presley hija kummiedja f’żewġ atti miktuba minn Silvio Fleri Soler, li għalih hija msemmija l-Fondazzjoni. Din il-kummiedja ngħatat adattament mużikali mid-direttur artistiku tal-Fondazzjoni. L-istorja toħodna ġewwa blokka appartamenti fejn ikun mar joqgħod fiha ċertu Ġużi, raġel iffissat fuq Elvis li minn filgħodu sa filgħaxija ħlief mużika ta’ Elvis ma kienx jisma’. Ir-residenti tal-appartamenti kienu jiggustawh jisimgħuh ikanta u jimita lil Elvis. Is-sinjura Doris, il-ġara ta’ faċċata tiegħu, tgħidx kemm kienet tieħu gost tiżfen u tkanta waqt li tkun qed tagħmel il-faċendi. Tant kienet tieħu gost tisma’ lil Ġużi jkanta li nesiet li kellha l-qomos ta’ żewġha Pawlu x’tgħaddi u kellha tqum kmieni biex tilħaq tlestilu mqar waħda. X’jiġri meta Pawlu jqum biex juża l-kamra l-baxxa u ma jindunax li hemm martu tgħaddi l-ħwejjeġ?? Fiex daħal Ġużi? Għaliex ħaduh l-għassa tal-pulizija?
Dan kollu tkunu tafuh meta tiġu taraw din il-kummiedja mużikali mimlija divertiment fost mużika tal-qatt minsi Elvis Presley, nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju fis-7:30pm u l-Ħadd 5 ta’ Mejju fl-4:30pm ġewwa t-Teatru ta’ San Vinċenz De Paul, Ħal Luqa. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-sit www.ticketline.com.mt