“Malli nikseb din inkun kuntent” Mit jew fatt?
Kollha kemm aħna ngħidu diversi frażijiet dwar x’għandna bżonn f’ħajjitna biex inkunu kuntenti. Imma kemm verament iġibu magħhom il-kuntentizza? Hawn min jgħidlek, malli nsib xogħol b’paga għolja nkun kuntent, oħrajn jgħidulek malli nixtri propjetà nkun kuntent, intant hemm min jgħid li l-kuntentizza tiġi malli jirnexxielhom jaslu għall-ħajja ideali li fasslu f’moħħhom.
Sfortunatament, ħafna drabi nassoċjaw il-kuntentizza ma’ affarijiet materjali. Iżda huwa minnu li propju dawn l-affarijiet materjali se jtuna l-kuntentizza li nixtiequ li jkollna f’ħajjitna?
Mit: Il-flus jagħmluk kuntent
Fatt: Huwa stressanti tinkwieta dwar il-flus. Biex tkun kuntent, ovvjament għandek bżonn li jkollok biżżejjed flus biex tkopri spejjeż ta’ ikel, xelter u ħwejjeġ. Imma meta għandek biżżejjed flus biex tgħix komdu, li jkollok aktar flus mhux se jaffetwalek daqshekk il-livell ta’ kuntentizza. Infatti studji li saru fuq persuni li rebħu l-lotterija jgħidu li wara perjodu qasir ħafna, il-livell ta’ kuntentizza tagħhom ma nbidilx ħafna iktar minn kif kien qabel.
Mit: Li jkollok relazzjoni tagħmlek kuntent
Fatt: Il-kuntentizza ma tiġix mill-fattur sempliċi li tkun f’relazzjoni. Relazzjoni tikkontribwixxi għal stat ta’ kuntentizza meta tkun sana, jkollok support u tirċievi l-imħabba li tkun qed tagħti. Imma mhux veru li jekk inti single m’intix kuntent. Persuni single li għandhom ħbiberiji ta’ sustanza huma aktar kuntenti minn persuni li jinsabu f’relazzjonijiet romantiċi li mhux ideali għalihom.
Mit: Il-kuntentizza tonqos aktar kemm tikber fl-età.
Fatt: Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, persuna ssir aktar kuntenta aktar kemm tikber. Infatti diversi studji wrew li persuni anzjani jesperjenzaw aktar emozzjonijiet pożittivi u inqas emozzjonijiet negattivi minn żgħażagħ u persuni ta’ mezz’età.