Min ser jirbaħ il-kampjonat Malti ….il-Ħamrun jew il-Furjana?

Illum il-ġurnata tant mistennija minħabba l-partita fejn fiha ser inkunu nafu r-rebbieħa tal-kampjonat Malti għal din is-sena, bejn il-Ħamrun u Floriana. Żewġ timijiet li kellhom kampjonat eċċellenti fejn dejjem kienu qrib xulxin bil-punti. Bħalissa l-Ħamrun għandhom 58 punt, filwaqt il-”Greens” jinsabu punt inqas minnhom, jiġifieri 57 punt.
Partita li tibda fit-tlieta ta’ wara nofsinhar fl-Istadium Nazzjonali, fejn ser tara lill-Furjaniżi f’West A u f’West C, jiġifieri taħt it-tinda, bil-Ħamruniżi faċċata tagħhom , fil-Millenium Stand.
Din għandha tkun il-partita tal-istaġun għaliex jekk jirbħu l-Ħamrun, dawn isiru Champions tal-kampjonat jew kif jissejħu wkoll “Champions tal-Ballun” għall-għaxar darba, iżda jekk jirbħu l-Floriana , dan ikun is-sebgħa u għoxrin trofew li ser jgħollu.
Tajjeb li ngħidu li dan mhux ser ikun l-aħħar weekend tal-istaġun, minħabba l-fatt li baqa’ matchday oħra x’tintlagħab, fejn dakinhar ser inkunu nafu biċ-ċert min huma c-Champions, min ser jikkwalifika għall-Ewropa, kif ukoll liema erba’ timijiet ser ikunu relegati għaċ-Challenge League.