“Waqqfu l-pressjoni żejda fuq it-tfal dwar il-piż tagħhom”

 “Waqqfu l-pressjoni żejda fuq it-tfal dwar il-piż tagħhom”

Riċerka ġdida li saret fl-Ingilterra sabet li konverżazzjonijiet u attitudnijiet negattivi rigward il-piż ta’ persuna jistgħu jkollhom effett dejjiemi fuq dak li jkun. Speċifikament, dawk il-persuni li meta kienu adolexxenti ħassew pressjoni esterna fuqhom sabiex jonqsu fil-piż, jispiċċaw iħossuhom skomdi bid-dehra tagħhom meta jikbru u jsiru adulti.

Ir-riċerkaturi bbażati f’Avon sabu li persuni li meta kienu adolexxenti ġew pressati mill-familja biex jonqsu fil-piż, esperjenzaw tinbix żejjed mill-qraba tagħhom dwar il-piż tagħhom, jew anke ħassew pressjoni min-naħa tal-midja biex jonqsu, kellhom livell aktar għoli ta’ stigma internalizzata malli laħqu l-età ta’ 31 sena, irrelevanti minn x’inhu l-piż tagħhom fil-verità.

Din ir-riċerka turi kemm huwa importanti li nitgħallmu kif nitkellmu fuq il-piż fil-familji tagħna, fl-iskejjel u fis-soċjetà kollha. Iżda għaliex l-adolexxenti jiġu affettwati daqshekk minn dan it-tip ta’ diskors? Ir-raġuni hija li dawn għadhom fil-fażi ta’ ħajjithom fejn qed jiżviluppaw l-identità tagħhom u għalhekk huwa iktar faċli li jiġu influwenzati minn kummenti li jirċievu.

X’jistgħu jagħmlu l-adolexxenti u l-familji tagħhom biex jgħelbu l-istigma?

  1. Jiżviluppaw relazzjoni sana mal-ikel u l-eżerċizzju flimkien bħala familja.
  2. Jissapportjaw lil xulxin kif inhuma, mingħajr kummenti żejda f’forma ta’ “ċajta” li jagħmlu biss ħsara.
  3. Ma jibqgħux isegwu profili tal-midja soċjali meta jinnutaw li qed iġiegħluhom iħossuhom ħażin dwarhom innifishom.
  4. Jekk it-tfal u l-adolexxenti huma mħassba dwar il-piż tagħhom għandhom iħossuhom sikuri jitkellmu mal-ġenituri u l-qraba tagħhom mingħajr preġudizzji.
  5. Il-familji għandhom jippruvaw ikollhom konverżazzjonijiet pożittivi dwar il-piż, filwaqt li joqgħodu attenti għal kif jitkellmu dwar is-suġġett.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com