“Wisq aggressiv, ma nafx kif għandi naffaċċjah”

 “Wisq aggressiv, ma nafx kif għandi naffaċċjah”

Fil-ħajja ta’ kuljum, se jkollna nħabbtu wiċċna ma’ persuni aggressivi. L-aggressjoni toħroġ minn xi kunflitt fejn persuna tipprova tipproteġi l-interessi tagħha, jew inkella tiġġieled biex tikseb xi ħaġa, ħafna drabi għas-skapitu ta’ xi ħadd ieħor.

Qabel ma nifhmu kif għandna naffaċċjaw persuna aggressiva, għandna nirrikonoxxu l-atteġġjament tagħha.

  1. Tinterrompik u titkellem b’vuċi għolja li ma tħallikx titkellem.
  2. Dak li taħseb inti m’għandekx permess li tgħidu magħhom.
  3. Jaqbżu l-limiti personali tiegħek.
  4. Meta tinterraġġixxi ma’ din il-persuna twassal għal tensjoni.
  5. Tħossok emozzjonalment għajjien wara li jkollok xi ħin magħhom.

Minkejja kollox, mhux dejjem se jkun faċli għalik li taħrab minn dawn it-tip ta’ persuni. Għalhekk huwa importanti li titgħallem x’tista’ tagħmel meta ssib ruħek fil-preżenza ta’ persuna aggressiva.

  1. Żomm kalm. Jekk tkun aggressiv inti wkoll, is-sitwazzjoni se tmur sabiex tiggrava aktar. Ħu nifs ‘il ġewwa, abbanduna l-argument sakemm tikkalma.
  2. Tibżax tesprimi l-opinjoni tiegħek, iżda pprova kun inqas konfrontevoli. Jiġifieri elimina li tuża frażijiet “għax inti” li jwasslu għall-ippuntar tas-swaba b’mod dirett. Minflok uża frażijiet bħal “nifhem li din il-ħaġa hija stressanti” jew “jimporta jekk ngħid xi ħaġa li naħseb li hija importanti?”
  3. Kun empatiku. Nafu li mhux dejjem faċli tagħmel dan, imma pprova ifhem is-sitwazzjoni għaliex il-persuna qed tkun aggressiva. Forsi għaddejja minn xi ħaġa oħra f’ħajjitha li qed twassalha biex tħossha aġitata b’dan il-mod.
  4. Kun ukoll assertiv. Minkejja li din tista’ tinstema’ kontradittorja għal dak li għidna qabel, li wieħed jifhem il-pożizzjoni tal-persuna l-oħra ma jfissirx li jagħtihom l-opportunità li jkunu aggressivi. Għandek iżżomm il-vuċi baxxa imma b’saħħitha, tibqa’ żżomm il-pożizzjoni tiegħek u ma tippermettix li l-persuna timmonipolizza l-konverżazzjoni u żomm ir-rispett u itlob għar-rispett.
  5. Iffoka l-konverżazzjoni fuq il-futur, kif ukoll fatturi aktar importanti sabiex tgħin lill-persuna taħseb u tirraġuna b’mod aħjar.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com