10 affarijiet li tista’ tagħmel meta jgħidulek: “żomm il-linja jekk jogħġbok”

 10 affarijiet li tista’ tagħmel meta jgħidulek: “żomm il-linja jekk jogħġbok”

Huwa veru li kull darba li tiġi biex iċċempel lis-servizz klijenti (customer care) ta’ kwalunkwe kumpanija jew aġenzija tal-gvern tieħu qata’ malli tisma’ l-frażi “żomm il-linja jekk jogħġbok”. Għid li malli jgħidulek hekk se jħalluk minn tal-inqas 20 minuta tistenna qisek ċass, sakemm xi ħadd jagħtik ir-risposta li tixtieq…jekk tasal.

Imma tinkwieta xejn, aħna ta’ Strada Rjali se ngħidulek x’attivitajiet tista’ tagħmel sakemm jiddeċiedu li jwieġbuk…

 

  1. Għamel work-out ta’ malajr…naqra jumping jacks, push ups u squats. Dejjem tgħid li m’għandekx ċans għal naqra training. Hekk grazzi għal tal-customer care sibt ix-xoqqa f’moxta.
  2. Intant jekk għandek id-dar ta’ taħt fuq u ilek tgħid li se tiżbarazzaha ftit, mela aqbad xkupa, pala u biċċa tat-tfarfir u erħilha ddur mad-dar u tnaddaf qisek cinderella qabel il-ballu.
  3. Tista’ tippjana xi safra…dejjem jekk bħalissa ma tinsabx tistenna li twieġbek xi linja tal-ajru dwar xi ajruplan li ma tfaċċax!
  4. Intefa’ gerger…jew aqra t-tgergir fuq il-gruppi ta’ Facebook. Nissuġġerulek tipprepara naqra popcorn u xi tazza luminata tajba u tgħaddi passata.
  5. Intefa’ ara xi serje ġdida fuq Netflix…dejjem aħjar milli tisma’ dik il-kanzunetta ta’ Beethoven mżarżra li donnhom għandhom is-servizz klijenti kollha.
  6. Jew inkella ara x’inhuma l-aħħar videos tad-daħk li ttellgħu fuq TikTok.
  7. Mur sal-bar u ħu birra, probabbilment tiġi lura u jkunu għadhom ma weġbukx!
  8. Jew inkella itfa’ load ħwejjeġ fil-washing machine…probabli tilħaq taħsilha, tonxorha, tinxef u taqlagħha qabel ma jgħidulek “kif nista’ ngħinek illum?”
  9. Hemm xi ħaġa li qatt ma tkun tista’ ssibha? Forsi ċ-charger tal-mowbajl jew iċ-ċwievet. Uża dan il-ħin prezzjuż biex tintefa’ tfittex.
  10. Ipprepara lilek inniffsek emozzjonalment għall-fatt li wisq probabbli se jkollok terġa’ ċċemplilhom għax mhux se jirnexxielhom isolvu l-problema tiegħek mal-ewwel telefonata.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com