10 serje Maltin li għandna bżonn staġun ieħor tagħhom illum qabel għada!
Ħobbhom u obgħodhom, hemm xi ħaġa affaxxinanti li qalb is-serje li mdorrijin naraw bl-Ingliż jew bit-Taljan, inkunu nistgħu nsegwu wkoll dawk magħmulin mill-Maltin, għall-Maltin. Matul l-istorja ta’ pajjiżna, kien hawn diversi serje li kienu kisbu popolarita u li għadek tista’ ssegwi l-episodji tagħhom sal-lum… Iżda intom, taqblu li dawn is-serje t’hawn taħt għandna bżonn staġun ieħor tagħhom illum qabel għada?
1. One Star Hotel
Serje ta’ Karl u Romina Bonaci li tirrakkonta diversi praspar li jseħħu f’lukanda ta’ stilla waħda f’Malta. Fost l-atturi kien hemm ukoll George Micallef, Hector Bruno, Mario Micallef, Maryanne Muscat u Mary Grech.
2. Dejjem Tiegħek Becky
Serje ta’ Eileen Montesin li kienet iżżommna mkaħħlin mat-televiżjoni kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija sabiex naraw liema każ kien se jkollha ssolvi l-Ispettur Becky.
3. Fredu l-Fra
Is-serje drammatika miktuba minn Sam Delceppo li ssegwi l-ħajja ta’ Fredu l-Fra. Fost l-atturi, kienet tinkludi lil George Micallef, Mario Micallef, John Suda, Vitorin Galea, Nathalie Micallef, Vince Palmier, Joe Attard, u Lino Grech fost oħrajn.
4. L-Avukat Gawdenz Bilocca
Is-serje magħrufa ta’ Bronk Productions li ssegwi l-ħajja u l-pariri tal-avukat Gawdenz Bilocca. Il-karattru prinċipali tas-serje huwa maħdum mill-attur Fabian Scerri de Carlo u jibqa’ magħruf għad-daħka ikonika tiegħu u l-varjetà ta’ suġġetti li jallega li studja meta kien l-Università.
5. Il-Willy
Is-serje tad-Danusan li ddur mal-Willy u l-Bobby, żewġt iħbieb kbar sa minn ċkunithom. Il-Bobby meta kiber daħal qassis u l-Willy baqa’ ftit imgerfex, iżda xorta waħda baqgħu ħbieb. Darba, waqt li l-Willy kien qed isuq daħal ġo wieħed li jsejħulu l-Pajp. Il-Willy ma kellux flus biex iħallas id-dejn li daħal fih u allura jibda jara x’se jivvinta. Fost l-atturi, kien hemm Daniel Chircop, Chrysander Agius, Ian Fenech, Paulette Gafa’ u Matthew Raggio.
6. Simpatiċi
Simpatiċi kien sitcom ibbażat fuq il-ħajja tal-familja Cassar, il-ġirien u l-kollegi tagħhom. Is-serje ta’ Hermann Bonaci kienet tospita diversi atturi lokali li serqu l-qlub bil-karattri tagħhom, fosthom Fabian Scerri de Carlo, Rachel Micallef, Frida Cauchi, Mary Rose Bonello, Mary Rose Mallia u oħrajn.
7. Dun Benit
Is-serje li ssegwi l-istorja ta’ Dun Benit, qassis li ħajtu dejjem mimlija problemi, ibda minn oħtu Gizella u l-interess tagħha f’Pippo u n-neputija Gizi li kienet tħobb tmur ma’ dak u mal-ieħor. Is-serje kienet ukoll produzzjoni ta’ Hermann Bonaci Productions.
8. Mini Bugz
Din kienet serje maħbuba mit-tfal (u l-kbar) kollha! Kienet f’forma ta’ xow bil-pupazzi ta’ Mini u Griż li kienu jirrakkuntaw il-praspar tagħhom, ikantaw diversi kanzunetti u jżommulna kumpanija ferriħija.
9. F’Baħar Wieħed
Din kienet l-ewwel serje bil-Malti li qatt ħarġet fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali. L-istorja ssegwi l-ħajja ta’ koppja Goma u Pinu. Il-parti ta’ Goma kienet tagħmilha Gemma Portelli, filwaqt li l-parti ta’ Pinu kien jagħmilha Lino Grech. Is-serje kienet waqfet għal xi żmien imbagħad reġgħet bdiet fl-2002, bl-istess atturi fil-partijiet ta’ Goma u Pietru.
10. Deċeduti
Is-serje ssegwi l-ħajja wara l-mewt ta’ diversi spirti li spiċċaw jgħixu fi blokka appartamenti ma’ nies interessanti wara li d-dar li kienu fiha nħarqet u minflok inbniet blokka appartamenti. Fost l-atturi, kien hemm Deandra Agius, Daniel Azzopardi, Julian Calleja, Mario Cassar u Kim Dalli.