5 modi ta’ kif tnaqqas l-ansjetà
Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, l-ansjetà saret sfida għall-bosta. Ir-raġunijiet li jikkawżawha huma varji. Jista’ jkun li persuna tiżviluppalu l-ansjetà wara li jkun għadda minn perjodu diffiċli jew esperjenza bidliet kbar f’ħajtu. Sfortunatament, is-sintomi tal-ansjetà jistgħu jkunu ta’ xkiel fir-rutina tiegħek ta’ kuljum. Iżda taqtax qalbek! Teżisti l-għajnuna professjonali, kif ukoll modi ta’ kif inti tista’ tiġġieled u tegħleb l-isfidi li ġġib magħha l-ansjetà.
- L-eżerċizzju jnaqqas il-livelli tal-ormoni tal-istress tal-ġisem u jistimula wkoll il-produzzjoni ta’ endorphins, kimiċi fil-moħħ li huma painkillers naturali tal-ġisem u jtejbu l-burdata. Ippjana li minn tal-inqas tagħmel 30 minuta ta’ eżerċizzju moderat, bħall-mixi, kuljum jew inkella kull meta tista’.
- L-ikel jista’ jżidlek jew inaqqaslek il-livell ta’ ansjetà. Dieta bilanċjata bbażata fuq frott, ħaxix, qamħ sħiħ (whole-grain), u proteini dgħif jistgħu jistabbilizzaw il-burdata tiegħek. Evita li tikkonsma kaffeina u zokkor żejjed u llimita l-alkoħol u n-nikotina.
- L-irqad huwa kruċjali. Ara li torqod madwar 7-9 sigħat kull lejl. Jekk issibha diffiċli biex torqod, tista’ tipprova timxi ma’ skeda regolari, toħloq ambjent rilassanti u tevita li tħares lejn screens qabel torqod.
- Il-meditazzjoni, kif ukoll il-mindfulness, jgħinuk tiġġieled kontra l-ansjetà. Dawn il-prattiki jgħinuk tiffoka fuq il-mument preżenti, u b’hekk tnaqqas it-tendenza li tinkwieta dwar il-futur. Dan għaliex jekk inti tbati bl-ansjetà, x’aktarx tqatta’ ħafna ħin taħseb fuq dak li jista’ jiġri u tinsa’ tgħix il-mument.
- Is-soċjalizzazzjoni hija importanti għal kwalunkwe individwu għaliex ikollok iċ-ċans li taqsam il-ħsibijiet tiegħek. Għaldaqstant, tajjeb li tqatta’ l-ħin mal-ħbieb u mal-membri tal-familja tiegħek. Meta nitkellmu ma’ ħaddieħor, spiss nindunaw li ma nkunux aħna biss li għaddejjin minn xi diffikultajiet.
Jekk timxi ma’ dawn il-pariri, tista’ ttejjeb il-ħajja tiegħek b’mod sinifikanti, anke jekk ma tbatix bl-ansjetà. L-eżerċizzju regolari, l-ikel bnin, l-irqad adegwat, il-mumenti ta’ rilassament, kif ukoll il-ħin mal-maħbubin, huma drawwiet fundamentali li jibbenefika minnhom kull individwu għaliex irawmu stil ta’ ħajja bilanċjata. Jekk sibt dawn il-pariri utli, xerred dan l-artiklu.