5 Mużewijiet f’Malta u Għawdex li rari nisimgħu dwarhom
Fl-okkażjoni tal-ġurnata internazzjonali tal-mużewijiet, li dejjem tiġi ċċelebrata fit-18 ta’ Mejju, ser niffukaw fuq ħames mużewijiet uniċi fil-gżejjer Maltin li forsi qatt ma smajtu bihom u li nħeġġukom tagħtuhom titwila.
Palazzo Falson, Mdina
Din il-binja bellezza fil-belt kapitali antika ta’ pajjiżna ilha teżisti mis-seklu tlettax. Meta tidħol ġewwa Palazzo Falson, tista’ tesplora kmamar differenti armati fl-istil oriġinali antik tagħhom, inkluż librerija meraviljuża b’aktar minn 4000 ktieb. Hemm anki ġnien ikkulurit b’veduti tal-Belt Valletta u l-Mosta, kif ukoll ħanut tal-kafe’ rilassanti. Barra minn hekk, bħalissa l-palazz qed jospita esebizzjoni speċjali b’kostumi antiki sa nofs Ġunju.
Mużew tal-Ferroviji, Birkirkara
Ftit xhur ilu, il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u l-Malta Railway Foundation fetħu dan il-mużew ferm interessanti ġewwa l-istazzjon tal-ferrovija nnifsu li kien jeżisti ‘il fuq minn seklu ilu bejn Ħ’Attard u l-Ħamrun. Minn biljetti u rittratti antiki, għal repliki ta’ ferroviji Maltin, dan il-mużew litteralment jittrasportak lura fil-passat.
Mużew tas-Santwarju, Żabbar
Bejn mudelli ta’ bastimenti u pjaneti tal-qassisin, il-Mużew tas-Santwarju maġenb il-knisja ta’ Ħaż-Żabbar jesebixxi varjeta’ kbira ta’ oġġetti storiċi li jmorru lura sa żmien il-Preistorja. Fosthom hemm il-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja tal-artist Malti Alessio Erardi, li issa għandu iktar minn 300 sena.
Mużew tal-Posta, Valletta
Għalkemm il-maġġoranza tagħna llum il-ġurnata m’għadniex nibgħatu ittri lil xulxin, is-sistema tal-pustaġġ f’pajjiżna jibqa’ importanti ħafna. Il-Mużew tal-Posta ġewwa l-Belt Valletta ma jinkludix biss esebizzjonijiet ta’ oġġetti antiki relatati mas-suġġett, imma saħansitra uffiċju tal-posta antik li fih tista’ tippersonalizza bolol u ittri.
Mużew tal-Ġugarelli, Xagħra
Dak li beda bħala kollezzjoni ta’ ġugarelli antiki minn mara Ingliża fis-snin sittin spiċċa sar mużew uniku mmens ġewwa x-Xagħra f’Għawdex. Uħud mill-iktar ġugarelli antiki f’dan il-mużew jinkludu presepji Sqallin minn tmiem is-seklu dsatax u pupa Maltija partikolari li għandha kważi 250 sena.